Lokali Qorti

Mixli b’kompliċità f’attakk b’sikkina fuq l-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 36 sena li jgħix is-Swieqi inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti mixli b’kompliċità f’attakk b’sikkina fuq l-eks sieħba tiegħu. L-identità tiegħu, li huwa magħruf mal-Pulizija u għandu diversi każijiet pendenti fil-Qorti, ma setgħetx tiġi żvelata fuq ordni tal-Qorti.

Il-każ imur lura għas-27 ta’ Settembru li għadda, għall-ħabta ta’ l-1.30 ta’ filgħodu, meta mara ddaħħlet l-Isptar Mater Dei flimkien mal-istess akkużat. Għalkemm inizjalment kienet f’kundizzjoni stabbli, aktar tard il-qagħda tagħha marret għall-agħar u kellha bżonn operazzjoni.

Sadanittant, il-mara irnexxielha tgħid lill-Pulizija li kienet għarfet lil min kien attakkaha u rrakkuntat kif hekk kif ħarġet mill-komun tad-dar, raġel qabeż fuqha u tahielha b’daqqiet ta’ sikkina. L-aggressur diġà qed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, filwaqt li l-vittma kienet irrappurtat lill-Pulizija permezz tat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika u ġiet klassifikata bħala każ ta’ riskju għoli.

B’riżultat ta’ dan, inħareġ mandat ta’ arrest kontra l-akkużat u dan inqabad fid-dar tiegħu. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni akkużatu li kien kompliċi fl-attakk li wassal biex il-mara sofriet ġrieħi gravi, u li kiser erba’ digrieti differenti tal-Qorti dwar ħelsien mill-arrest.

L-akkużat wieġeb mhux ħati, bl-avukat tiegħu Charles Mercieca jsostni li ma kienx hemm ebda prova diretta jew suspett kredibbli li jorbtu mal-każ. Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukati Jennifer Polidano u Miguel Taliana mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Colin Sheldon, Dylan Pace u Audrey Micallef, oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ċaħad it-talba tal-ħelsien mill-arrest, filwaqt li l-avukat Edward Gatt qed jidher bħala parte civile għall-vittma.