Mark A. Sammut Sassi
Hu ovvju li Alex Borg, ġa mill-ewwel ftit jiem tiegħu bħala Kap, qiegħed jinkwieta lil-Labour u b’mod partikolari lil Robert Abela. Mhux biss għax hu riħ ġdid li qed jonfoħ fid-direzzjoni t-tajba, imma wkoll għax jidher li hu bniedem li jimxi bi prudenza u bi skjettezza fl-istess waqt.
Qiegħed ninnota fih dil-karatteristika straordinarja. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kontenut Dr Borg hu prudenti; f’dak li għandu x’jaqsam mal-mod kif iwasslu dak il-kontenut, hu skjett.
Dil-mixxela donnha hi paradossali, jiġifieri kontradizzjoni għad li fid-dieher biss. Fil-verità, taħt il-wiċċ, hemm verità mistura li malli wieħed jifhimha jintebaħ x’qawwa hemm misrura fiha. Tfakkrek, kważi kważi, fil-qawl bil-Latin, festina lente, jiġifieri għaġġel bil-mod. L-ewwel reazzjoni ta’ dak li jkun tkun: kif jista’ jkun, tgħaġġel bil-mod? Imma meta tgħarbilha ssib li mhemm l-ebda kontradizzjoni. Għaġġel bil-mod – festina lente – tfisser li ma tferfirx imma lanqas ma titnikker. Tgħaġġel iva, imma bil-mod, bil-galbu.
U l-istess qed jurina Dr Borg li hu l-istil tiegħu: jimxi bi prudenza imma fl-istess waqt hu skjett. Jaf isib kif jgħaqqad flimkien il-galbu tal-għaqal mal-qawwa tal-komunikazzjoni. Mhux ta’ b’xejn tal-Labour qed jinkwetaw. Jien konvint li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se naraw eskalazzjoni ta’ attakki personali fuq Alex Borg – għax meta xi ħadd ikollu b’mod naturali l-ħiliet tat-tmexxija u l-leadership, bilfors jinkwetahom lill-avversarji politiċi.
Dr Borg mhux biss dil-ħila paradossali tal-prudenza/skjettezza għandu, imma wkoll l-enerġija imprezzabbli taż-żgħożija. Se jkun hemm, mill-kamp Laburista, min jattakka lil Dr Borg għax għadu żagħżugħ, b’ħafna diskors fieragħ mibni fuq din il-premessa. Jien però ġa smajt b’nies żgħażagħ li kienu birdu għall-politika illi, minn mindu Dr Borg ħa t-tmun f’idejh, reġgħet tkebbset fihom il-fjamma tal-interess.
Dil-kustjoni taż-żgħożija jien naraha verament bla bażi. Il-għaliex meta toqgħod tqis, Dr Borg ma tqigħedx fil-kariga imma biex laħaq Kap għadda mill-għarbiel fin ta’ bosta laqgħat mat-tesserati. Il-ġudizzju li għaddew fuqu juri li kkonvinċa minkejja ż-żgħożija tiegħu jew, forsi, proprju minħabba fiż-żgħożija tiegħu. Insomma – u din se ngħidu f’nofs tbissima – kif darba qalet Dorothy Fuldheim, “Iż-żgħożija hi marda li lkoll infiequ minnha”! Jiġifieri jekk il-Labour se jibbaża l-propaganda tiegħu fuq iż-żgħożija, biż-żmien jiskopri li hi kampanja li malajr tiskadi!
Ċajt apparti. Kif kelli l-okkażjoni ngħid fil-programm ta’ Roberta Bonello Felice nhar il-Ġimgħa li għadda u f’dak ta’ Robert Cremona nhar it-Tnejn li għadda, Dr Borg fetaħ il-karriera tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni bi żjara lill-Kamra tal-Kummerċ.
Dil-Kamra ilha żmien u għomor tisħaq li f’Malta m’għandniex il-customer experience, l-esperjenza tal-klijent. Dad-diskors qalitu, ngħidu aħna, f’Settembru 2024, meta gazzetta bl-Ingliż ikkwotata hekk: “Customer experience culture is still lacking”. Mhux qed nitkellmu dwar klijenteliżmu, imma dwar li f’Malta rari biex issib kultura pożittiva ta’ kif jittrattawk bħala klijent.
Li Alex Borg mar ikellem lill-Kamra tal-Kummerċ fost l-ewwel attivitajiet tiegħu għalija tindika viżjoni ċara. Dr Borg jifhem li f’Malta l-kwalità tal-ħajja sejra għall-agħar – donna missejna livelli bħal ta’ pajjiż sottożviluppat – u hu jrid li mhux biss iwaqqaf dan id-degrad imma saħansitra li jreġġgħu lura u jagħtina kwalità tal-ħajja xierqa fejn kull Malti/ja u Għawdxi/ja jħossu rispettat u ttrattat b’dinjità.
Robert Abela wkoll hu konxju li t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiż ġie a skapitu tal-kwalità tal-ħajja. Il-ftit stagħnew mentri l-ħafna ħajjithom saritilhom aktar ikkumplikata u ta’ kwalità baxxa. Dr Abela jidher sinċier fix-xewqa tiegħu li jgħolliha l-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Fil-fehma tiegħi, iżda, Dr Abela nieqes mill-ħiliet politiċi meħtieġa biex jirnexxi. Mill-banda l-oħra, f’għajnejja hu ċar li Dr Borg għandu proprju dawk il-ħiliet u għalhekk jista’ jkun Prim Ministru alternattiv ta’ pajjiżna.
Clyde Caruana
Il-Ministru għall-Finanzi għandu l-potenzjal li jkun Prim Ministru, imma ma naħsibx li qatt se tiġih l-okkażjoni. Għax fid-dinja mhux biss kemm int tajjeb jgħodd, imma anki kemm titbissimlek ix-xorti. Jekk ix-xorti titbissimlek u tkun tajjeb, tirnexxi. Jekk ix-xorti ma titbissimlekx u tkun tajjeb, titnikket. Jekk ix-xorti titbissimlek u ma tkunx tajjeb, tnikket lil ħaddieħor.
Jidhirli li Robert Abela jaqa’ fl-aħħar kategorija – ix-xorti tbissmitlu, imma hu mhux tajjeb. U se jnikket lill-poplu. Clyde Caruana, mill-banda l-oħra, hu tajjeb bil-bosta imma x-xorti ma tbissmitlux.
Ngħid li hu tajjeb bil-bosta, għax meta nisimgħu jitkellem nisma’ ħafna affarijiet bis-sens ħerġin minn fommu. Il-ħmerija hi li ftit li xejn nara rieda min-naħa ta’ Robert Abela li joffri soluzzjoni għall-problemi li l-Ministru għall-Finanzi tiegħu stess qed jiġbed l-attenzjoni għalihom.
L-aħħar waħda li smajt mingħand il-Ministru Caruana kienet meta qal li jekk il-Maltin mhux se jkollhom aktar tfal, f’futur mhux imbiegħed wisq, il-Maltin se jgħibu u magħhom tgħib il-kultura Maltija. Fil-fehma tiegħi, il-Ministru Caruana ma setax qalha aħjar. Għandu raġun, u raġun biex ibigħ. Il-bużillis hu li l-problema, fil-biċċa l-kbira tagħha, il-Gvern Laburista stess ħoloqha. Biex ħoloqha kellu ħila; biex isolviha għandu wkoll?
Alex Borg tkellem dwarha l-problema. Qed jipproponi soluzzjoni: leave parentali ta’ sena. Jien konvint li din hi l-ewwel minn sensiela ta’ soluzzjonijiet li se jkun qed joffri l-PN fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin għal dil-problema.
Qed nara biċ-ċar li r-riħ beda jdur.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 2 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>