Opinjoni

OPINJONI: L-ISKANDLU ‘FORTINA’: Ħadd m’għandu d-dritt li jqarraq

David Thake
Opinjonista

F’dawn il-jiem qed insegwi podcast ta’ xi ħadd partikulari fejn dan kien qiegħed jispjega l-veduta tiegħu dwar il-famuż skandlu tal-art tal-Fortina li feġġ f’dawn il-jiem wara li tefa’ lenti fuqu l-Awditur Ġenerali f’rapport li tpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra appena reġa’ nfetaħ il-Parlament aktar kmieni dan ix-xahar.
U jekk fhimt il-ġist ta’ dak li kien qiegħed jgħid dan il-podcaster, dan kien qiegħed jgħid li ma jafx għalfejn qiegħed isir dan l-għaġeb kollu, għaliex l-art li hi parti minn dan in-negozju skandaluż – tal-waiver biex niftehmu – kulma hi, tomna art.
Dan il-podcaster qal li din l-art inkwistjoni diġà kienet mixtrija mill-Fortina taħt Gvern Nazzjonalista.

Ma fehemx jew irid iqarraq?
Li qiegħed jgħid dan il-podcaster huwa korrett. Imma kieku kien centre forward f’logħba football, il-ballun sparah barra l-istadjum għax kompletament ma fehemx il-kwistjoni x’inhi. Ħadd mhu qed jargumenta kemm hi kbira l-biċċa tal-art jew kemm hi żgħira il-biċċa tal-art involuta f’dan l-iskandlu ġdid li dwaru kulħadd qiegħed jitkellem.
Il-punt kollu hu dan. Meta oriġinarjament fil-Parlament kienet saret diskussjoni dwar jekk il-prezz għal dan il-bdil fl-użu tal-art inkwistjoni u għandux ikun ta’ €8 miljun jew le, il-Parlament kellu quddiemu l-evalwazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet, u allura kellu jimxi fuq dak li ngħad mid-Dipartiment tal-Artijiet.

L-iskandlu fejn hu? L-iskandlu hu li d-Dipartiment tal-Artijiet dakinhar kien talab stima ta’ dik l-art u għall-bdil fl-użu ta’ dik l-art u kemm kellu jitlob il-Gvern għaliha, u l-evalwazzjoni/stima li l-Awdituri kienu tawh kienet ta’ xi €21 miljun. Issa, hemm differenza bejn dawn il-€21 miljun u t-€8 miljun li ħallsu l-Fortina. U hawn hu l-iskandlu. U għaliex hemm skandlu?
Imma forsi tgħiduli, ħadu good deal tal-Fortina… mhux hekk! Businessman il-Fortina! Fejn hu l-iskandlu?
L-iskandlu hu, li d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed hemm biex iħares l-interess tiegħek u tiegħi u tal-poplu, u tal-Gvern. U allura meta jitlob evalwazzjoni/stima, għandu jmur għand il-Gvern u jgħidlu li jien tlabt evalwazzjoni/stima u qed jgħiduli li l-istima għal din il-biċċa art biex tinbidel l-użu tal-art – biex minn lukanda ssir blokka ta’ appartamenti u ta’ uffiċini għandna nitolbu biex aħna nagħtu l-permess biex dik l-art l-użu tagħha jinbidel għandna nitolbu €21 miljun.
Id-Dipartiment tal-Artijiet, iċ-Chairman ta’ dak iż-żmien, u ċertu Keith Schembri, li dak iż-żmien kien iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru ċertu Joseph Muscat, qabdu fuq din l-evalwazzjoni/stima,… u ħbewha!

Żgwidawna lkoll
Anzi ċaħdu l-eżistenza tagħha u żgwidaw lill-Parliament billi qalu: isma’ din kull ma tiswa €8 miljun ta!
Jiġifieri huma kienu jafu… id-Dipartiment tal-Artijiet u Keith Schembri – li kien imexxi l-Uffiċċju tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja – li l-bdil tal-użu ta’ din l-art kellha tkun għall-€21 miljun imma ħbew l-evalwazzjoni/stima. U dak hu l-iskandlu.
Issa, allura, id-domanda li forsi għandu jagħmel dan il-podcaster hi lil tnejn min-nies… liċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Artijiet ta’ dakinhar u lill-Eks Chief of Staff Keith Schembri. U l-mistoqsija hi: X’interess kellhom li jaħbu l-evalwazzjoni/stima li kienu tawhom dawn l-Awdituri?
Għalfejn kellhom jaħbuha?
X’kienet l-iskop ta’ dik il-mossa li jaħbu l-pariri li kienu ngħataw?
U dik hija xi ħaġa li għandhom jinvestigaw il-Pulizija… a mhux hekk?
Imma li nafu hu li Keith Schemrbi jissemma f’numru ta’ każijiet ta’ korruzzjoni.
Nafu li Joseph Muscat, ftit xhur wara li telaq minn Prim Ministru, sar konsulent mal-Fortina u dan il-podcaster partikulari għandu jiċċara u jkun ċar mas-semmiegħa tiegħu.
Il-kwistjoni mhix kemm qed nagħmlu għaġeb fuq tomna art imma li l-kwistjoni hi li Dipartiment tal-Gvern, id-Dipartiment tal-Artijiet li llum hu l-Awtorità tal-Artijiet qed taħbi l-valur u l-istima li nagħtat għal dan in-negozjui u tiżgwida lill-Parlament.
U minħabba f’hekk, aħna, lilna n-nies serqula €12-il miljun.
U nagħlaq billi nirrifletti fuq punt żgħir… xi ħadd ġie frodat fiha din… il-Gvern ġie frodat. Allura din frodi. Issa jekk għandek kuntratt li ġie ffirmat riżultat ta’ frodi, xi tgħid il-Liġi?
U l-Liġi tgħid li min sofra din il-frodi għandu d-dritt li jmur il-Qorti biex jitlob biex dan il-kuntratt jiġi dikjarat null. Biex niftehmu… bħalma sar fil-każ tal-isptarijiet tal-Vitals u rbaħnieha, u ħadna l-isptarjijiet lura.
X’qed jistenna l-Gvern?
Nagħmilha ċara li l-podcasts huma tajbin, imma ħadd m’għandu xi dritt li jiżgwida lin-nies. Il-podcasts għandhom jintużaw u jsiru biex lin-nies… lis-semmiegħa, ngħidulhom l-affarijiet kif inhuma u l-verità kollha mhux biċċa.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd  28 ta’ Settembru, 2025.