Angelo Micallef
Kien fid-29 ta’ Mejju 2010 meta f’Budapest kien hemm bidla fil-poter li f’demokrazija huwa proċess normali. Wasal fi tmiemu l-mandat politiku ta’ Gyorgy Gordon Bajnai biex minflok reġa’ ħa t-tmexxija tal-Gvern Ungeriż Viktor Orban, li kien diġà mexxa l-pajjiż bejn l-1998 u l-2002.
Ma’ kien hemm xejn daqstant spettakolari, bidla fit-tmexxija li naturalment ġabet magħha l-prospett ta’ xi bidliet fid-direzzjoni tal-Gvern Ungeriż kif wara kollox jiġri kull meta jinbidel gvern x’imkien.
Madankollu t-tmexxija ta’ Orban ma’ kinetx bidla ordinarja. Progressivament mal-medda taż-żmien, il-Gvern ta’ Orban beda jnaqqar is-saħħa tad-demokrazija fl-Ungerija. Beda juża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jassigura li l-forzi politiċi rivali tiegħu jkunu wisq dgħajfa u għalhekk ikun diffiċli jekk mhux impossibbli għalihom li jagħmlu xi forma ta’ oppożizzjoni effettiva.
Beda jbiddel ir-rotta tal-Ungerija wkoll fejn tidħol il-politika ta’ Budapest lejn Brussell b’mewġa kontinwa ta’ xettiċiżmu lejn l-Unjoni Ewropea u b’politika kważi ostili lejn l-istess Unjoni. Fl-2019, il-partit li jmexxi Orban, il-Fidesz ġie sospiż mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew biex eventwalment spiċċa biex ħalla għalkollox din il-familja politika.
Nistqarr li kont ilni żmien twil nemmen li post il-Fidesz ma’ kienx fil-familja tal-Partit Popolari Ewropew, u li l-PPE żbalja bil-kbir li dam daqshekk ma’ ħa l-pass kurraġġuż iżda meħtieġ fil-konfront tal-Fidesz. Bħalma jgħidu bl-Ingliż ‘better late than never’ imma jibqa’ l-fatt li Orban kien ilu żmien li wera l-kuluri vera tiegħu.
Naturalment l-Ungerija kienet, għadha u tibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea u għalhekk b’siġġu fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet fi Brussell. L-istess Ungerija li ma tiddejjaq xejn darba wara l-oħra ddgħajjef il-pożizzjoni tal-pajjiżi membri l-oħra u Orban imur jippoppa sidru f’Beijing u f’Moska f’mumenti meta t-tensjoni politika titlob mod ieħor.
L-istess Ungerija li din il-ġimgħa kellha l-ardir li f’kumment li għamel Orban saħaq li l-Ukrajna mhix stat indipendenti u sovran f’diskors li jixbaħ aktar lil dak ta’ Putin milli ta’ mexxej Ewropew.
Diskussjoni fil-konfront tal-Ungerija
Huwa ċar li Orban jgawdi appoġġ konsiderevoli fl-Ungerija; li kieku ma’ kienx jibqa’ jiġi elett darba wara l-oħra. Huwa ċar għalhekk li dan is-sens ta’ xettiċiżmu lejn il-prinċipji l-aktar fundamentali tal-Unjoni Ewropea mhux limitat għal persuna ta’ Orban biss. Huwa ċar li forsi wasal iż-żmien li jkollna dibattitu serju dwar il-futur tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea.
Orban jiftaħar li hu se jibqa’ jiġġieled kontra dak li hu jsejjaħlu l-liberaliżmu tal-politika Ewropea. Għandu kull dritt iħossu hekk u li kieku din tfisser sempliċi argument politiku bejn min irid politika soċjalment aktar konservattiva u min irid politika soċjalment aktar liberali ma’ fiha xejn ħażin anzi hija ta’ ġid. Imma dak li jrid jgħid Orban m’għandu x’jaqsam xejn mal-aspett soċjali imma ma’ prinċipji bażiċi li fuqhom m’għandu jkun hemm ebda negozjati; id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet umani, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett lejn is-sovranità ta’ stati oħra u għalhekk ugwalment il-kundanna lejn kull stat li jmur kontra l-liġi internazzjonali u jibda jgħaffeġ bħal gaffa fuq is-sovranità ta’ stat ieħor.
Wasal iż-żmien li l-Ungerija jitneħħielha l-abbiltà li tibqa’ tkun ta’ xkiel għal progress tal-Unjoni Ewropea. Wasal iż-żmien li l-Ungerija ma’ tibqax onorata bħala xi stat demokratiku, kif għandu l-obbligu li jkun kull stat membru tal-Unjoni Ewropea, meta fir-realtà d-demokrazija fl-Ungerija hija dgħajfa sal-punt li qegħda fuq l-aħħar nifsijiet tagħha jekk mhux se jkun hemm bidla fl-iqsar żmien materjalment possibbli.
Jekk Orban iħossu aktar komdu ma’ Putin milli mal-kollegi Ewropej mela allura hemm biss pass wieħed u ovvju li għandu jitqiegħed fuq l-aġenda. It-trattat ma’ jantiċipax tkeċċija ta’ stat membru; imma jantiċipa s-sospensjoni tad-dritt tal-vot ta’ dak l-istat membru, u huwa f’dan is-sens li għandha tkun mirata din id-diskussjoni fil-konfront tal-Ungerija!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 2 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>