Il-UHM ressqet diversi proposti favur il-familji Maltin, proposti b’rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u drittijiet tal-ħaddiema, it-tassazzjoni, il-pensjonijiet u l-politika soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-ambjent u trasport.
Ma’ Net News, il-Kap Eżekuttiv tal-union, Josef Vella, spjega l-ħsieb wara d-dokument ta’ qabel il-Budget ġie preżentat il-Ħamis.
Il-UHM trid li jkun hemm ħlas ta’ bonus għat-twelid għat-tieni u t-tieled wild, biex ikun hemm sena parental leave imħallas u maqsum bejn iż-żewġ ġenituri, maternity leave imħallas b’paga sħiħa għat-18-il ġimgħa kollha, u li jkun hemm rikonoxximent sħiħ tal-ħaddiema fuq reduced hours għall-ġenituri.
Fost il-proposti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u drittijiet tal-ħaddiema, huma sostnew li hemm bżonn riformi fl-Att dwar l-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali, fil-Wage Regulation Orders, kif ukoll fit-Tribunal Industrijali. Huma pproponew ukoll li għandu jkun hemm ħlas doppju għall-ħidma li ssir nhar ta’ Ħadd u li jkun hemm salvagwardja għar-remote workers.
Fir-rigward tat-tassazzjoni u kumpens, huma qablu mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja m’għandux ikun intaxxat. Huma qalu wkoll li lanqas il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni nazzjonali m’għandhom jiġu intaxxati.
Mal-proposti dwar il-pensjonijiet u l-politika soċjali, fost l-oħrajn, huma semmew il-bżonn ta’ estensjoni u aġġustament ta’ skemi ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni.
Mal-proposti dwar l-edukazzjoni u taħriġ, huma pproponew li jkun provdut laptop jew tablet għal kull student f’kull livell edukattiv, kif ukoll li jkollom aċċess għall-internet bla ħlas, li jkun limitat għall-użu edukattiv.
U dwar l-ambjent u trasport, waħda mill-proposti tagħhom hi li jkun hemm inċentiv għat-trasport kollettiv minn min iħaddem f’zoni industrijali jew b’ammont kbir ta’ ħaddiema.
Huma sostnew li dawn il-proposti nħolqu sabiex jindirizzaw sfidi konkreti li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin. Filwaqt li permezz tal-proposti, huma qed jippromwovu ekonomija bbażata fuq produttivita’, ġustizzja soċjali u sostenibbilta’.
//= $special ?>