Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola enfasizzat li l-Ewropa ma tistax tħalli l-istati mal-fruntiera li qed jiffaċċjaw l-isfida tal-immigrazzjoni waħedhom.
Waqt li ndirizzat lill-mexxejja fil-Komunità Politika Ewropea f’Kopenhagen, id-Danimarka, il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew qed jaħdem ħafna fuq l-aħħar liġijiet li fadal jiġu ivvutati b’rabta mal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Hija żiedet li l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jidħol fis-seħħ, u b’hekk jibgħat messaġġ qawwi li s-solidarjetà taħdem. “L-Istati Membri ma jistgħux jitħallew waħedhom, u l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tagħmel aktar biex tgħin lill-pajjiżi fuq quddiem nett,” iddikjarat il-President Metsola.
Hija saħqet ukoll dwar il-ħtieġa li l-Ewropa tagħmel il-ħajja tan-nies u n-negozji madwar aktar faċli: “In-nies iridu l-prevedibbiltà, iridu li ħajjithom tkun aktar sikura, iridu li ħajjithom tkun aktar ġusta. Il-kumpaniji talbuna b’mod ċar ħafna biex nagħmlulhom ħajjithom aktar faċli biex inżommu l-impjiegi fl-Ewropa.”
Dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, Metsola qalet li dan huwa dwar it-tisħiħ tal-Unjoni nnifisha: “It-tkabbir huwa rebħa għal kulħadd. Għall-Unjoni Ewropea. Mhijiex karità, hija xi ħaġa li taħdem għal kulħadd. Tagħmilna aktar sikuri, se tagħmilna aktar strateġikament fil-kontroll, u wkoll nistgħu verament nuru li n-nies tagħna fetħu l-bieb għall-pajjiżi u l-popolazzjonijiet tagħhom meta jridu jidħlu.”
F’Kopenhagen, il-President Metsola qalet li l-Komunità Politika Ewropea qed tiltaqa’ f’mument kritiku għall-Ewropa. “Dan huwa żmien li fih irridu nsaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-Ewropa. U li ntejbu l-kooperazzjoni politika u ekonomika mal-eqreb ħbieb tagħna,” irrimarkat il-President tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>