Sport Sport Ieħor

Tmiem il-ġimgħa ta’ attivitajiet u spettaklu għad-dilettanti taż-żwiemel f’Malta

Fiera taż-Żwiemel
Fiera taż-Żwiemel

Matul din it-tmiem il-ġimgħa, EquestriMalta se tkun qed ittella’ Fiera Żwiemel, li tibda minn nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru mis-6.00 p.m. ’il quddiem u tkompli l-Ħadd, 5 ta’ Ottubru mid-9.00 ta’ filgħodu sa tard wara nofsinhar f’MonteKristo.

Il-fiera se tikkonsisti f’diversi attrazzjonijiet relatati mal-isport taż-żwiemel u bosta tradizzjonijiet. Wieħed mistenni jsib ukoll stands varji b’oġġetti, prodotti u ħwejjeġ oħra marbuta maż-żwiemel u mal-isport relatat.

Waqt din il-fiera se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-Malta Equestrian Federation, il-Malta Polo Club u l-Island Polo Club.

Se jkun hemm programm sħiħ ta’ avvenimenti l-Ħadd filgħodu, organizzat mill-Malta Equestrian Federation, kif ukoll logħob tal-polo s-Sibt u l-Ħadd b’parteċipazzjoni mill-Island Polo Club u l-Malta Polo Club.

Jispikkaw diversi wirjiet b’karozzelli tradizzjonali u żwiemel b’abbiltajiet differenti, uħud anki sinkronizzati ma’ spettaklu bil-muzika, li mistennija wkoll joffru wirja oriġinali u varjata.

Se jkun hemm ukoll sezzjoni ta’ simulaturi tal-ewwel xorta taghhom f’Malta u żona bil-ponijiet għat-tfal, flimkien ma’ esebizzjonijiet varji u għażla ta’ servizzi marbuta maż-żwiemel.

Il-Ħadd filgħodu se jsir ukoll it-tberik taż-żwiemel bħala parti minn tradizzjoni antika. U hekk kif insemmu t-tradizzjonijiet, se jkun hemm wirjiet u diskussjonijiet dwar l-inġenji tradizzjonali u antiki taż-żwiemel.

Għall-Fiera Żwiemel id-dħul huwa b’xejn, u mistennija konkorrenza sabiħa wkoll minħabba li dan huwa avveniment tal-ewwel xorta tiegħu, organizzat minn EquestriMalta, li hija l-awtorità regolatorja li ssostni u tappoġġja l-isport kollu taż-żwiemel.