Żewġ żgħażagħ ma nstabux ħatja mill-Qorti fuq inċident li seħħ 10 snin ilu fl-istabbiliment PlusOne f’Paceville, meta fit-15 ta’ Novembru 2015 ċeda t-taraġ u weġġgħu 74 persuna, l-aktar żgħażagħ, fosthom tifla ta’ 13-il sena u oħra ta’ 15-il sena li sofrew ġrieħi gravi.
Minħabba dan, għexieren ta’ persuni kienu weġġgħu meta l-ħġieġ tat-taraġ inkiser u bdew jaqgħu l-persuni minn fuqu. Kien irriżulta li d-diskoteka kien jiflaħ madwar 200 persuna iżda dakinhar tal-inċident, kien hemm aktar minn 400.
Uħud mill-perduni nvoluti fl-inċident kienu anke fil-periklu tal-mewt. Sena wara l-inċident, 23 persuna kienu tressqu l-Qorti. Il-proċeduri fil-Qorti f’din is-sentenza kienu jikkonċernaw lil Zach Latif, li dak iż-żmien kellu 18-il sena, u żagħżugħ ieħor minorenni li ismu ma setax jixxandar. Latif kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi lil diversi persuni u li kien fil-pussess ta’ pepper spray, filwaqt li l-minorenni kien akkużat li kkaġuna wkoll ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li semgħet ix-xhieda, fosthom dik ta’ persuni li kienu fil-post, pulizija u paramediċi li marru fuq il-post, qalet li fil-każ ta’ Latif irriżulta li huwa kien xehed quddiem il-maġistrat inkwerenti li, hekk kif kien qed joħroġ mill-istabbiliment, ra lil sieħbu jiġi aggredi minn raġel u kien għalhekk li uża l-pepper spray mal-art.
Il-Qorti osservat li l-ammont ta’ spray kien żgħir u l-fatt li ntuża mal-art juri li Latif ma kellux l-intenzjoni li jweġġa’ lil ħadd, iżda aġixxa għad-difiża tiegħu. Il-Maġistrat żiedet li ma setax jipprevedi li mill-użu ta’ dak l-ammont ta’ pepper spray kien se jinqalgħu daqstant korrimenti, u saħqet li l-binja stess kienet nieqsa minn miżuri ta’ emerġenza u l-ħaddiema tal-istabbiliment ma kinux imħarrġa biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Għaldaqstant Latif ġie illiberat mill-akkużi miġjubin kontrih.
Fir-rigward tal-minorenni, il-Maġistrat Frendo Dimech irriferiet għax-xhieda tiegħu fejn kien qal li kien mhedded minn raġel fl-istabbiliment. Irriżulta wkoll li kienu sħabu li qalulu li ntuża pepper spray wara li kien diġà telaq.
Il-Qorti qieset li ma kienx hemm rabta bejn il-ġlieda li kien involut fiha l-minorenni u l-korriment ta’ tant persuni, u għalhekk lanqas hu ma nstabx ħati. Bħala riżultat, iż-żewġ akkużati nħelsu mill-akkużi kollha relatati ma’ dan l-inċident li kien ħalla għadd kbir ta’ vittmi.
F’Awwissu tas-sena l-oħra ‘Bouncer’ Serb ta’ 30 sena, wkoll ma nstabx ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li wettaq negliġenza u li weġġa’ gravi persuni oħra b’rabta mal-inċident tad-diskoteka PlusOne, f’Paceville, fl-2015. L-inċident kien seħħ meta nqala’ argument fid-diskoteka fejn mijiet ta’ żgħażagħ, uħud minnhom taħt l-età, ipprovaw joħorġu f’daqqa.
//= $special ?>