Libjan ta’ 43 sena, residenti fiż-Żejtun, li beda għaddej ġuri bla ġurati quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bil-magħluq nhar it-Tnejn li għadda ġie kundannat 22 sena ħabs wara li nstab ħati li stupra darbtejn lill-eks sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Maltija f’latrina fiż-Żejtun. Is-sentenza ngħatat tard il-Ġimgħa filgħaxija.
Huwa nstab ħati li wettaq att ta’ penetrazzjoni sesswali fuq l-allegata vittma kontra r-rieda tagħha fil-lejl bejn it-3 u r-4 ta’ Frar ta’ sentejn ilu, liema stupru sar fil-warrani tal-vittma. Huwa nstab ħati wkoll li ssekwestra lil mara kontra l-volontà tagħha u li ġimgħa wara dan il-każ fil-Mosta, kkaġunalha ġrieħi ħfief. Il-ħati mistenni jappella mis-sentenza.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-vittma kienet qed tistenna tarbija mill-imputat meta seħħ l-att, li allegatament beda għall-ħabta tal-11pm u baqa’ sejjer sat-3am. Huwa allegatament ordnalha tpoġġi fuq it-toilet tal-latrina u ma tiċċaqlaqx minn hemm, u beda jsawwatha fuq rasha u fuq għajnejha, waqt li heddidha li kien se joqtolha.
L-istupru allegatament seħħ darbtejn f’dak il-lejl, u filwaqt li l-mara bdiet tgħidlu biex jieqaf, huwa baqa’ sejjer. Il-vittma bdiet ukoll tgħajjat għall-għajnuna, iżda l-imputat allegatament qabadha mill-gerżuma biex tieqaf tgħajjat. Wara dan, hu staqsieha jekk tridx sigarett, li kienet aċċettat bil-premessa li ma tibqax imsakkra fil-latrina kontra r-rieda tagħha.
Skont il-prosekuzzjoni, l-imputat wettaq dawn l-attakki waqt li kien bil-libertà proviżorja fuq każ ieħor, li jagħmluh bħala riċediv. Barra minn hekk, huwa akkużat li ssekwestra lill-vittma kontra r-rieda tagħha u wettaq atti sesswali mingħajr kunsens.
L-Avukat Ġenerali f’Kap tal-akkuża minnhom qal ukoll li ġimgħa wara l-istupru, fil-Mosta, l-imputat ikkaġuna ferita ħafifa fuq il-vittma wara li fil-handbag tagħha sab lighter li kienet ta’ sieħbu u beda jaħseb ħażin fl-eks sieħba tiegħu.
Huwa kien waddblilha xi ġebel u laqatha f’sieqha, imbuttaha fuq ċint u beda joffendiha. Il-vittma rnexxielha taħrab għall-ħanut Lidl tal-Mosta, fejn l-imputat dak il-ħin allegatament beda jheddidha bil-mewt.
Hekk kif kien se jibda l-ġuri l-prosekuzzjoni talbet biex dan jinstema’ bil-magħluq fid-dawl tal-fatt li l-koppja għandhom wild bejniethom. Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat lill-media biex toħroġ mill-awla u ma tirraportax il-provi.
L-evidenza nkludiet ix-xhieda diretta tal-vittma kif ukoll rapporti mill-Pulizija li mexxew l-investigazzjoni. L-Avukat Ġenerali kien qed jitlob li f’każ ta’ ħtija fir-rigward tal-istupru l-imputat jiġi kkundannat għal perjodu ta’ bejn tmienja u 40 sena ħabs. Fuq l-akkużi l-oħra intalbet ukoll piena ta’ ħabs iżda inqas twila.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Darlene Grima u Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-każ kien investigat mill-Ispetturi Sherona Buhagiar u John Spiteri.
//= $special ?>