Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, ordnat lil Bernard Attard iħallas aktar minn €129,000 f’danni, flimkien ma’ €20,000 oħra għall-valur ta’ mobile home u interessi legali, wara li nstab responsabbli li ffroda u misapproprja fondi tal-kumpanija Adventure Camping and Leisure Co. Limited u tad-direttur tagħha Vince Vella.
Attard huwa dealer tal-karozzi li qed jiġi mixli b’konnessjoni mar-racket f’Identità li rat persuni minn pajjiżi terzi jiksbu permessi ta’ residenza b’mod frawdolenti. Il-kumpanija, li tmexxi sit ta’ kamping fl-Aħrax tal-Mellieħa mikri mingħand l-Awtorità tal-Artijiet, kienet affettwata minn ordni ta’ infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar u kienet qed tħallas multa ta’ kuljum sakemm l-irregolaritajiet jiġu sanzjonati.
Vella kien iltaqa’ ma’ Attard f’April tal-2023 meta dan wera interess f’mobile home u mbagħad qajjem l-idea li jsir sieħeb fil-kumpanija. Kien intlaħaq ftehim li Vella jħallas it-taxxi u d-djun sal-jum tal-bejgħ filwaqt li Attard iħallas l-ispejjeż għas-sanzjonar u l-iżviluppi meħtieġa fuq is-sit.
F’perjodu ta’ xahrejn bejn April u Ġunju 2023, Vella ta lil Attard €161,500 iżda dawn il-flus qatt ma ntefqu għall-għanijiet imwiegħda. Parti mis-somma, €32,300, spiċċaw f’kontijiet bankarji f’isem missier Attard, Calcedonio.
Barra minn hekk, Attard ħa mobile home ta’ €20,000 mis-sit tal-kamping u trasferih għand ommu, mingħajr ħlas. Hu kien ippreżenta wkoll dokumenti li qarrqu b’Vella, li kienu juru li multa ta’ €50,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar kienet tħallset, meta fil-fatt baqgħet dovuta.
Meta Vella skopra li lanqas ma kien ingaġġa arkitetti jew saru ħlasijiet lill-Awtorità tal-Artijiet, huwa ressaq ilment kriminali u azzjoni ċivili biex jirkupra l-flus. Il-Qorti kkonkludiet li fuq il-bilanċ tal-probabbiltà, Bernard Attard kien qarraq u ħa flus taħt pretensjonijiet foloz u qatt ma wettaq dak li kien imwiegħed, u għalhekk kien ħati ta’ frodi u misapproprjazzjoni.
Fil-konfront tal-ġenituri tiegħu, il-provi ma kinux biżżejjed biex jintwera li kienu kompliċi, iżda Calcedonio ġie ordnat irodd lura s-somma li kienet daħlet fil-kont tiegħu. Il-Qorti nnutat ukoll li minkejja li nofs is-sehem fil-kumpanija kien int trasferit fuq Marthese Attard, omm l-akkużat, Vella ma talabx li l-kuntratt jiġi revokat u għalhekk dan il-punt ma setax jiġi deċiż.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti ordnat lil Bernard Attard iħallas €129,200 f’danni u €20,000 għall-mobile home, filwaqt li Calcedonio Attard kellu jħallas lura €32,300. Dawn is-somom kollha huma suġġetti għal interess legali li jibda jgħodd mid-17 ta’ Lulju 2023 sal-ħlas effettiv. L-Avukat Jason Grima deher għall-vittmi.
//= $special ?>