Internazzjonali

Gaza: Iżrael jikkundanna l-flotilla bħala ‘provokazzjoni’, fost id-deportazzjonijiet tal-attivisti

GAZA

Iżrael kompla jinsisti li l-flotilla tal-għajnuna li, fl-aħħar jiem, kienet qed tivvjaġġa lejn Gaza, għandha titqies bħala ‘strument għal provokazzjoni’ waqt l-eqqel tal-gwerra mal-Ħamas li tagħlaq sentejn proprju nhar it-Tlieta.

Dan meta erba’ ċittadini Taljani spiċċaw iddeportati minn Iżrael wara li nżammu mill-awtoritajiet Iżraeljani li interċettaw id-dgħajjes ta’ din il-flotilla.

Il-Ministeru tal-Intern Iżraeljan, fl-istess ħin, ikkonferma l-arrest ta’ aktar minn 470, bl-awtoritajiet f’Iżrael iħejju biex jiddeportaw persuni oħrajn involuti mal-flotilla.

Qed jirrankaw id-deportazzjonijiet wara li l-aħħar dgħajsa tal-Global Sumud Flotilla (GSF) kienet interċettata mill-awtoritajiet Iżraeljani.

Il-kelliema għall-GSF qalu, sadanittant, li l-azzjonijiet tal-Iżraeljani biex iżommu dawn id-dgħajjes kienu ‘illegali’  — bil-miżuri fil-konfront tal-flotilla jwasslu għal dimostrazzjonijiet ta’ rabja u protesta madwar id-dinja, fosthom strajk ġenerali fl-Italja.

L-ewwel dgħajjes tal-flotilla kienu interċettati f’nofs il-ġimgħa waqt li kienu fl-ibħra internazzjonali, xi 70 mil nawtiku ‘il barra mill-kosta ta’ Gaza. Numru ta’ dgħajjes anki waslu eqreb tax-xatt, bil-qawwiet tal-baħar Iżraeljani jkomplu jikkontrollaw iz-zoni marittimi mingħajr ġurisdizzjoni.

Intant, hu minnu li l-qawwiet tal-baħar Iżraeljani kienu wissew minn qabel lid-dgħajjes biex jibdlu r-rotta u jaqbdu direzzjoni ‘il hinn minn zona attiva ta’ kumbattimenti. L-Iżraeljani qalu wkoll li l-movimenti tal-flotilla saru ‘b’abbuż tal-assedju legali għal Gaza mill-baħar’.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin saħaq li l-fażi tad-deportazzjoni kienet qed tirranka għal  aktar ċittadini barranin mal-flotilla u li Iżrael kien jinsab ħerqan biex itemm il-proċedura mill-aktar fis.

L-istqarrija qalet li l-attivisti arrestati jinsabu kollha qawwijin u sħaħ wara li l-GSF allega li ħafna minn dawn l-attivisti kienu sfaw attakkati bil-kanuni tal-ilma meta l-qawwiet tal-baħar interċettawlhom id-dgħajjes.

Fl-istess ħin, l-istqarrija tal-Gvern Iżraeljan irrefera wkoll għall-preżenza tal-attivista Żvediża Greta Thunberg fuq waħda mid-dgħajjes…Ma ngħatawx dettalji dwar l-istatus ta’ Thunberg, l-attivista favur il-klima u li qed tippromwovi bil-qawwi l-kawża għal ‘Palestina Ħielsa’.