Ambjent Lokali

Żvelat kif il-Gvern ivvota favur l-ambjent fin-Nazzjonijiet Uniti, u f’Malta ivvota kontra

Il-Gvern Laburista tilef ċans storiku meta fil-Parlament lbieraħ ma appoġġjax l-emenda kostituzzjonali li kienet tagħti lill-ambjent status ta’ dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’kumment fuq il-media soċjali li fiha espona l-ipokrezija tal-Gvern li, filwaqt li fl-28 ta’ Lulju 2022 kien wieħed mill-firmatarji ta’ riżoluzzjoni adottata fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda biex id-dinja tirrikonoxxi d-dritt għal ambjent nadif, san u sostenibbli bħala dritt uman, issa qed joġġezzjona għal liġi li tgħid eżattament l-istess kliem.

“Jekk illum il-Gvern jgħid li dan id-dritt hu ta’ theddida għad-delizzji jew għall-isport, ikun qiegħed jgħid li diġà vvota kontra dawn fuq livell internazzjonali. Dan mhux il-każ,” sostna Alex Borg.

Huwa fakkar kif aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja, fosthom diversi stati Ewropej bħal Spanja, il-Portugall, il-Belġju, il-Finlandja, Franza u Ċipru, għandhom xi forma ta’ dritt ambjentali fil-kostituzzjoni tagħhom.

Din l-inizjattiva ma kinitx rebħa għall-Partit Nazzjonalista jew għall-Oppożizzjoni, iżda kienet pass għall-ġid ta’ Malta u Għawdex, għall-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li l-arja nadifa, l-ilma nadif u l-protezzjoni tal-wirt naturali tagħna huma drittijiet bażiċi li m’għandhomx kulur politiku. Għalhekk, bl-akbar sens ta’ responsabbiltà, il-PN se jkompli jressaq proposti konkreti favur il-protezzjoni tal-ambjent u tal-identità Maltija.

“Dan hu l-mument li Malta tieħu ħsieb l-identità tagħha u tagħti futur lilha nfisha,” temm jgħid Alex Borg.