Il-bidu tal-kumpilazzjoni ta’ Salvinu Mangion ta’ 71 sena, mixli bi qtil ta’ Kyle Mifsud ta’ 33 sena, ġiet interotta ħesrem fl-awla numru tlieta tal-Qorti hekk kif l-akkużat beda jilmenta minn uġiegħ f’sidru. Hawn ġiet imsejjħa ambulanza li waslet quddiem il-bini tal-Qorti u waqt li kien qed isir eżami fuqu tal-ECG, jidher li Mangion tah attakk tal-qalb.
Kien l-Ispettur Stephen Gulia li nforma lill-Qorti dwar dan wara xhieda twila minn naħa tiegħu dwar il-każ. Ix-xhud informa lill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia, li Mangion kien ittieħed l-Isptar Mater Dei għal kura. Sadanittant fix-xhieda tiegħu qabel ma’ l-akkużat beda jħossu ħażin – l-Ispettur Gulia qal li kliem Mangion meta kien mitkellem kien:
“Żbaljajt, kienu jiġu għandi biex nagħtihom il-flus għad-droga u filwaqt li Kyle Mifsud kien ikun persistenti għall-flus, il-partner tiegħu le. Imma għalhekk kienu qed jiġu d-dar wara li serquni u marru l-ħabs. Kif ħarġu reġgħu bdew jiġu u iktar ma beda jgħaddi ż-żmien speċjalment Kyle Mifsud beda jiġi iktar ta’ spiss.” Il-flus kienu jriduhom minħabba l-problema tad-droga.
L-akkużat, li huwa pensjonant kien jispiċċa bla flus u bil-friġġ vojta. Kien jagħtih il-flus biex jeħles minnu u ma jibqax idejjqu. Fir-rigward tal-partner tal-vittma, Donna Camilleri, din kienet tmur għandu darba fil-ġimgħa u jagħtiha 20 ewro kull darba għal servizzi sesswali li kienet toffrielu.
Ix-xhud qal li fil-21 ta’ Settembru ftit wara s-1pm. ġew infurmati minn ċertu Emmanuel Belotti li qal li kien hemm persuna kollha ġrieħi jħabbat il-bibien tad-djar. Numru ta’ Pulizija marru fuq il-post u sabu lil Kyle Mifsud miksi bid-demm.
Minn stħarriġ ħareġ li kellu ġrieħi f’żaqqu u sidru kkawżati minn arma tan-nar. Kien għadu konxju u qal li ċertu Salvinu kien sparalu. Ħareġ li dan joqgħod fl-appartament numru tmienja. Il-Pulizija tal-Għassa Bormla nfurmaw ir-residenti tal-blokka biex ma joħorġux, minħabba li l-vittma baqa’ niżel bit-taraġ minn flat 8. Kien kollu demm u beda jħabbat il-bibien.
Ġiet ambullanza li dawn taw l-ewwel għajnuna medika lil Mifsud u ħaduh lejn l-isptar Mater Dei. Hawn bdiet inkjesta Maġisterjali u nħatret inkjesta. Għall-ħabta tas-1.45pm. ġie avviċinat minn Jonathan Mangion, it-tifel tal-akkużat u avviċina lilu u lill-Ispettur Keith Rizzo. Dan staqsih x’kien ġara għax kien qed jinkwieta minħabba missieru.
Hawn it-tifel ġie mistoqsi jekk jafx fejn hu missieru, minħabba l-qagħda tiegħu u dak li ġara. Jonathan Mangion ikkopera u qalilhom li kien jinsab fi Triq Mattia Preti, madwar 100 metru l-bogħod mill-blokka. Wara li x-xhud aċċerta ruħu li Salvinu Mangion, huwa nfurmah bl-arrest fuq sa dak il-ħin dwar attenat ta’ qtil. Dan kien fis-1.50pm. Hu deher dispjaċut ta’ dak li ġara u qal li għamel żball u li l-affarijiet kienu eskalaw.
L-akkużat ġie nvistat minn tabib li rriżulta kien f’qagħda ta’ saħħa tajba. Wara l-ewwel ittieħed l-Għassa ta’ Bormla u wara ġie meħud id-depot. Minħabba t-tir sparat il-Pulizija ħadet il-prekawzjoni kollha minħabba l-‘gun shot residue’.
Huwa fil-preżenza ta’ waħda mill-avukati tiegħu ta l-kunsens tiegħu biex isirlu xi testijiet b’rabta maċ-ċomb sparat. Ix-xena qal ix-xhud inqasmet fuq tnejn, il-parti tal-komun fejn il-vittma nstab bi ġrieħi u l-appartament tal-akkużat.
Hemm saret tfittxija fejn instabu żewġ ‘shot guns’, wieħed fil-kamra tas-sodda u fuq il-gwardarboba tal-istess kamra. Instabu ukoll xi skrataċċ u wieħed mhux sparat taħt qasrija. L-Ispettur Stephen Gulia rrakkonta wkoll kif wara li l-Pulizija ġew infurmati minn ċittadin li kien hemm raġel midrub jħabbat il-bibien fid-djar, sabu lil Mifsud miksi bid-demm fuq it-taraġ tal-komun tal-blokka.
Hu kien għadu konxju u stqarr mal-Pulizija li kien “Salvinu” li sparalu. Il-Pulizija ħadu l-prekawzjonijiet kollha minħabba l-użu ta’ arma tan-nar u arrestaw lil Mangion ftit metri ’l bogħod mill-blokka. Dwar it-tfittxija fl-appartament tiegħu fejn instabu żewġ shotguns, skrataċċ, kien hemm ukoll traċċi ta’ demm fis-sink tal-kamra tal-banju.
Ix-xhieda tal-ġirien u l-familjari tal-akkużat poġġew il-każ f’kuntest ta’ żmien twil ta’ fastidju u talbiet ta’ flus minn Mifsud u l-partner tiegħu Donna Camilleri, li t-tnejn għandhom storja ta’ abbuż tad-droga. Kien intqal li s-sena l-oħra l-istess koppja kienu daħlu jisirquh u spiċċaw il-ħabs wara li ammettew il-ħtija. Skont l-Ispettur, wara li ħarġu mill-ħabs f’Ġunju, reġgħu bdew imorru għand l-akkużat biex jitolbuh il-flus.
Ix-xhud qal li Mangion ammetta mal-Pulizija li kien jaf lil Camilleri u kien iħallasha €20 għal servizzi sesswali fejn il-partner tagħha kien jibqa’ isfel waqt l-att sesswali. Insista li qatt ma ġie mhedded jew weġġgħuh qabel, iżda kien ilu jbati minn fastidju kontinwu u ma felaħx iktar.
Hu sostna kemm il-darba li kien mar jagħmel rapporti lill-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar u dik ta’ Bormla, iżda lmenta li ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Dwar il-ġurnata tal-inċident, Mangion qal li Mifsud kien qed jħabbat b’forza u jitlob il-flus.
Huwa qabad waħda mill-armi tiegħu, li ma kellhiex liċenzja valida mill-2021, fetaħ il-bieb u spara tir wieħed lejn żaqqu. Wara li ra li kien imtella’ bid-demm, mar fis-sink biex jnaddaf id-demm minn fuqu. Filwaqt li ma kienx mhedded direttament, qal li aġixxa minħabba irritazzjoni kbira u pressjoni li ilu jġarrab għal żmien twil.
Donna Camilleri, meta kienet mistoqsija mill-Pulizija, ikkonfermat li hi kienet il-partner ta’ Mifsud u li kienet tagħti servizzi sesswali lill-akkużat, filwaqt li kkonfermat ukoll l-istorja tas-serqa li għamlu flimkien mill-istess anzjan. Qalet li ma kienetx preżenti waqt il-każ u kienet semgħet b’dak li ġara meta kienet f’Ħal Tarxien.
Ix-xhud qal li l-provi mill-“body cams” tal-Pulizija u l-filmat tas-sigurtà fil-madwar juru b’mod ċar li kien Mangion li spara lejn il-vittma. Il-Pulizija kkonfermat ukoll li kien saru diversi rapporti minn Mangion dwar fastidju iżda l-investigazzjoni dwar dawn għadha għaddejja.
Fil-każ ħareġ ukoll il-kuntest personali tal-akkużat li tilef lil martu u lil ibnu u kien ilu jgħix waħdu, b’ħajtu tmur ħafna għall-agħar. Il-ġirien irrimarkaw li kien jispiċċa spiss bla flus u l-friġġ tiegħu dejjem vojt, u kien jagħti l-flus lill-koppja biex jeħles minnhom.
Ix-xhud qal li hu kien tkellem ukoll mal-membri tal-familja tal-akkużat li dawn infurmaw lill-Pulizija li minn mindu mietet martu u ibnu ma rkupra qatt. Dwar is-serqa li saret lil Salvinu Mangion – Kyle Mifsud u Donna Camilleri kienu tressqu l-Qorti u dak inhar stess kienu ammettew l-akkużi u ngħataw it-tnejn sentenza ta’ priġunerija. Il-vittma kien weħel sentejn u tliet xhur ħabs filwaqt li Donna Camilleri kienet marret 19-il xahar ħabs.
Minn Ġunju li għadda meta dawn ħarġu mill-ħabs bdew jerġgħu jiffastidjaw lil Salvinu Mangion. Wieħed minn uliedu darba nzertahom fuq ‘bus stop’ u dan kien fid-29 ta’ Awwissu li għadda u qalilhom biex ma jersqux lejn missieru.
Waqt l-interoogazzjoni l-akkużat spjega li kien jaf lil Donna Camilleri u kien iħallasha 20 ewro għal servizzi sesswali u li dan kien isir darba fil-ġimgħa. Qal li hi qatt ma kienet iddejjqu jew theddu b’xi mod għal flus. Mangion qed jwieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ omiċidju u għall-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja. Il-każ hu skedat li jkompli nhar it-Tnejn fin-12.30pm.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonett u l-Ispetturi Stephen Gulia, Keith Rizzo u Francesca Maria Calleja. L-Avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat, filwaqt li l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-familja tal-vittma.
Salvinu Mangion ta’ 71 sena, residenti l-Birgu li qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Kyle Mifsud ta’ 33 sena minn Bormla. Mifsud ta’ 33 sena tilef ħajtu fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd, 21 ta’ Settembru u t-Tnejn, 22 Settembru wara li tilef il-ġlieda mal-mewt hekk kif waranofsinhar tal-Ħadd stess kien intlaqat b’tir ta’ senter tal-kaċċa fl-istonku tiegħu, allegatament tir sparat mill-anzjan.
Huwa qed jiġi mixli wkoll b’pusses ta’ arma tan-nar bla liċenzja u li ntużat biex jikkommetti reat. Il-każ seħħ wara tilwima bejn Mifsud u l-anzjan fil-qasam tad-djar fiz-zona tal-Ħawli l-Birgu. Il-Pulizija investigat id-dinamika ta’ kif seħħ il-każ, bl-anzjan jiġi arrestat fl-akkwati ftit wara l-isparatura u l-Pulizija sabet ukoll is-senter tal-kaċċa li allegatament intuża fl-isparatura.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonett u l-Ispetturi Stephen Gulia, Keith Rizzo u Francesca Maria Calleja. L-Avukat Franco Debono, Adreana Zammit u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat. L-Avukat Mario Mifsud u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-familja tal-vittma.
//= $special ?>