Lokali

“Il-kwalitá tal-ħajja f’Malta marret lura – Josef Vella

“Il-kwalità tal-ħajja mhux qiegħda hemmhekk. U fl-opinjoni tiegħi morna lura u mhux ‘il quddiem.”

Hekk iddikjara l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella waqt intervista li kellu fil-Programm NETLIVE fuq Net Television, fejn ġew diskussi diversi temi fosthom il-bżonn ta’ inċentivi għall-familji u impenn akbar favur kwalità ta’ ħajja aħjar – xi ħaġa li kien wiegħed il-Gvern ta’ Robert Abela fil-Budget tas-sena l-oħra.

Waqt il-programm, Josef Vella tkellem ukoll dwar dak li qed tipproponi l-UĦM b’rabta mal-inċentivi għall-koppji li jixtiequ li jkollhom wild iżda qed isibuha diffiċli minħabba l-pressjoni finanzjarja.

Hawnhekk, semma’ kif ir-rata ta’ twelid f’pajjiżna hija l-iżgħar waħda fl-Ewropa. U li sa ħamsin sena oħra, il-popolazzjoni indiġena – jiġifieri ta’ Maltin – se tonqos ħafna.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi reali għal pajjiżna, il-UĦM Voice of the Workers qed tippreżenta numru ta’ proposti li l-Gvern għandu jinkludi fil-Budget għas-sena li ġejja.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM fakkar li l-kwalità tal-ħajja tfisser dak il-bilanċ fejn il-ħaddiema jħossuhom aktar kuntenti. U hawn, tenna Josef Vella, fadlilna ħafna aktar x’naqdfu.