Raġel ta’ 64 sena minn Ħaż-Żabbar, Saviour Camilleri, ġie mmultat €700 u mfakkar mill-Qorti wara li insulta lill-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina fuq Facebook. Il-każ imur lura għal Awwissu 2024, meta taħt rapport ta’ TVM News li kien jirrapporta stqarrija ta’ Aquilina wara li uffiċjal tal-gvern instab ħati li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb.
Camilleri kiteb kumment offensiv. Fl-istess jum, l-Avukat Aquilina rrappurtah lill-Pulizija u Camilleri kien ġie interrogat fil-preżenza ta’ avukat. Huwa ammetta li kien hu li kiteb il-kumment u esprima l-fatt li kien lest jiskuża ruħu.
Minkejja dan, il-Pulizija ressquh il-Qorti akkużat b’użu ħażin ta’ apparat elettroniku.
Camilleri wieġeb mhux ħati iżda l-Qorti sabet li kien hemm evidenza konklużiva li kien hu l-awtur tal-kumment, li ġie deskritt bħala “vulgari, degradanti u intenzjonat biex joffendi”.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech irrimarka li, għalkemm il-kumment ma kienx fih theddid, xorta waħda kien ta’ natura vulgari u offensiva li tammonta għal reat kriminali skont il-ġurisprudenza. Huwa wkoll wissieħ u lil oħrajn biex ma jużawx il-mezzi soċjali biex joffendu, u saħaq li d-dritt ta’ kritika ma jagħtix libertà li wieħed iħammeġ jew juża lingwaġġ oxxen.
Barra l-multa ta’ €700, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur Karol Aquilina, sabiex ikun assigurat li din l-imġiba ma terġax tiġri u li l-Membru Parlamentari jibqa’ protett minn kull forma ta’ fastidju jew offiża futura.
//= $special ?>