Lokali

“Inkomplu nsaħħu u ninvestu fil-qasam marittimu bħala wieħed min-niċeċ prinċipali tal-ekonomija” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

Gvern ġdid Nazzjonalista jaħtar ministru ddedikat lil dan is-settur u jerġa’ jwaqqaf l-Awtorità Marittima

Il-Partit Nazzjonalista kien fuq quddiem biex kabbar u saħħaħ is-settur marittimu tul is-snin. Dejjjem emmen li l-pożizzjoni strateġika tal-gżejjer tagħna tagħtina b’mod naturali vantaġġ fuq pajjiżi oħra f’dan il-qasam.

Illum il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan il-qasam jista’ jkompli jikber u jissaħħaħ u se jkun qed jaħdem biex dan iseħħ.

Bħala parti mis-sensiela ta’ laqgħat bi tħejjija għall-Budget 2026, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mexxa delegazzjoni tal-PN għal laqgħa mal-Malta Maritime Forum li kienet irrappreżentata miċ-Chairperson Godwin Xerri, il-Vice Chairperson Alex Montebello, is-CEO Kevin J Borg u Ann Fenech bħala Membru tal-Bord.

Waqt it-taħditiet, Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista jaħtar ministru ddedikat apposta għas-settur marittimu u jerġa’ jwaqqaf l-Awtorità Marittima li tkun distinta minn Transport Malta.

Din l-awtorità tkun iffukata u speċjalizzata u sservi bħala one-stop-shop għal dak kollu li hu marittimu – fil-vastità kollu tiegħu.

Flimkien mal-membri tal-MMF, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar is-suċċessi ta’ Malta f’dan il-qasam u dwar kif dawn jistgħu jkomplu jikbru u jissaħħu.

Meta pajjiżna hu mogħni b’kull aspett tas-settur marittimu, jeħtieġ li jkollna wkoll aktar investiment fil-karrieri f’dan il-qasam.

Alex Borg qabel fuq il-ħtieġa ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-qasam marittimu sa mil-livell sekondarju biex l-istudenti żgħażagħ ikunu jistgħu jibdew karrieri f’dan is-settur sa minn kmieni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ diġitalizzazzjoni u dekarbonizzazzjoni tas-settur biex Malta tkun preparata għall-isfidi tal-ġejjieni u biex tisfrutta bl-aħjar mod il-potenzjal tas-settur. 

Huwa qal li jrid li pajjiżna mhux biss jibqa’ jżomm l-istandards Ewropej imma anke li nibqgħu nipprommwovu lil Malta bħala hub marittimu u li nkomplu nsaħħu l-bandiera Maltija.

Il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jinvesti f’dan il-qasam bħala wieħed min-niċeċ prinċipali għall-ekonomija.

Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia.