Lokali Qorti

Jammetti li seraq ‘credit card’ minn karozza pparkjata biex jimla’ t-tank tal-petrol tiegħu

Raġel ta’ 41 sena ngħata ordni ta’ probation wara li ammetta li seraq credit card minn karozza pparkjata f’Ħal Qormi, użaha u wara rritornaha lis-sid tagħha. Id-dettalji ħarġu waqt il-kawża kontra Darren D’Amato miż-Żurrieq, li tressaq quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut akkużat b’serq aggravat u li kkawża ħsarat ta’ €80 lill-vettura.

Huwa kien ukoll akkużat li kiseb flus permezz ta’ qerq, li kiseb profitt b’mod frawdolenti, li għamel użu ħażin minn credit card tal-bank u li kien fil-pussess tagħha. Il-qorti semgħet kif mara rrappurtat li kienet ipparkjat il-karozza tagħha fi Triq l-Isqof Scicluna, Ħal Qormi, u l-għada sabet it-tieqa miksura u l-portmoni nieqes. Il-portmoni kien fih l-karta tal-kreditu nieqsa.

Ftit wara, il-mara bdiet tirċievi messaġġi awtomatiċi mill-bank, fosthom wieħed fit-3 ta’ filgħodu li wera kif intużaw €150 minn fuq il-credit card fi tliet pompi tal-petrol. L-akkużat ipprova wkoll jiġbed €500 iżda ma rnexxilux.

Il-credit card tal-bank eventwalment ġiet irritornata lis-sid tagħha. Quddiem il-qorti, D’Amato ammetta u qal li hu uża biss €50 fi fuel għall-karozza tiegħu u li l-€100 l-oħra ma għaddewx, b’hekk il-mara kellha tirċevihom lura fil-kont tagħha.

Wara li kkonferma l-ħtija, il-qorti tagħtu ordni ta’ probation ta’ tliet snin u ordni ta’ trattament ta’ tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-problemi tad-droga tiegħu. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas 80 għall-ħsarat u €150 bħala kumpens għall-flus misruqa. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trażżin favur il-vittma.

Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispettur tal-Pulizija Roderick Attard. L-akkużat kien rappreżentat mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.