Steve Borg se jkun qed jilgħab l-aħħar logħba internazzjonali tiegħu kontra l-Bożnija-Ħerzegovina
Il-kowċ nazzjonali Malti Emilio De Leo sejjaħ skwadra ta’ 30 plejer għaż-żewġ partiti internazzjonali li Malta jmissha tilgħab fil-jiem li ġejjin. Wara nhar il-Ħadd li ġej, il-Malta Premier jieqaf għall-impenji tat-timijiet nazzjonali Maltin, kemm tal-kbar kif ukoll ta’ taħt il-21 sena, bl-aktar stennija hija għal-logħba ta’ nhar il-Ħamis li ġej, meta fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’Qali, Malta tilgħab kontra l-qawwa tal-Olanda.
Din se tkun partita valida mil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026 u se tkun it-tieni logħba bejn it-tnejn fi spazju ta’ erba’ xhur. F’Ġunju li għadda, f’Euroborg, l-Olanda għelbet lil Malta b’skor kbir ta’ 8-0.
Tliet t’ijiem wara, Malta terġa’ tkun fl-azzjoni f’pajjiżna stess, iżda din id-darba f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Bożnija-Ħerzegovina.
Għal dawn iż-żewġ partiti, il-kowċ Taljan se jkun qed jilqa’ lura fl-iskwadra lill-midfielder ta’ Stade de Reims, Teddy Teuma kif ukoll lill-winger ta’ Ħamrun Spartans, Ryan Camenzuli.
Inkluż f’din l-iskwadra ta’ 30 plejer hemm ukoll il-midfielder Andrew Borg ta’ Gżira United. Madankollu għall-ewwel partita li se tkun qed tilgħab Malta, dik ta’ kontra l-Olanda, Malta se jkollha tilgħab mingħajr żewġ plejers li se jkunu sospiżi. Dawn huma Paul Mbong li jilgħab fis-Serbja ma’ FK Čukarički u d-difensur ċentrali, Zach Muscat li dan l-istaġun qed jilgħab fit-tieni diviżjoni tal-Portugall, Chaves. Madankollu, kemm Mbong kif ukoll Muscat se jkunu disponibbli għal-logħob, fil-partita ta’ wara kontra l-Bożnija-Ħerzegovina.
Nieqes minn din l-iskwadra hemm ukoll il-Malti-Awstraljan, Jake Brimmer u d-difensur ċentrali, James Carragher, b’dan tal-aħħar għadu qed jirkupra minn intervent mediku li għamel fl-aħħar ġimgħat wara li weġġa’ fil-Kampjonat Ingliż, ma’ Wigan Athletic.
Intant fl-iskwadra ta’ De Leo, hemm inkluż id-difensur ċentrali ta’ Valletta, Steve Borg, li iżda se jkun qed jilgħab biss fil-partita kontra l-Bożnija-Ħerzegovina. Borg, li għandu 37 sena, u dan l-istaġun qed ikun wieħed mill-aqwa plejers tal-Beltin fil-Malta Premier, se jkun qed jilgħab l-aħħar logħba internazzjonali tiegħu ma’ Malta. Sal-lum, Borg lagħab 81 partita internazzjonali u kien il-captain tat-tim nazzjonali.
L-iskwadra kompluta ta’ De Leo għall-partiti kontra l-Olanda u l-Bożnija-Ħerzegovina hija din:
Gowlkipers | Henry Bonello (Ħamrun Spartans FC), Rashed Al Tumi (Sliema Wanderers FC), James Sissons (Chesterfield FC – Ingilterra).
Difensuri | Zach Muscat (Chaves FC – Portugall), Juan Carlos Corbalan (Marsaxlokk FC), Kurt Shaw (Sorrento FC – Italja), Enrico Pepe (Marsaxlokk FC), Jean Borg (Sliema Wanderers FC), Steve Borg (Valletta FC), Gabriel Mentz (Gżira United FC), Kean Scicluna (Zabbar St Patrick FC), Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans FC), Myles Beerman (Sliema Wanderers FC), Neil Micallef (Birkirkara FC).
Midfielders | Matthew Guillaumier (Panserraikos FC – Greċja), Brandon Paiber (Valletta FC), Alexander Satariano (Athens Kallithea FC – Greċha), Steve Pisani (Sliema Wanderers FC), Yannick Yankam (Valletta FC), Teddy Teuma (Stade de Reims FC – Franza), Adam Magri Overend (Sliema Wanderers FC), Andrew Borg (Gżira United FC).
Attakkanti | Joseph Mbong (Ħamrun Spartans FC), Jodi Jones (Notts County FC – Ingilterra), Paul Mbong (FK Čukarički – Serbja), Ilyas Chouaref (Sion FC – Svizzera), Irvin Cardona (AS Saint-Étienne – Franza), Basil Tuma (Reading FC – Ingilterra), Keyon Ewurum (Valletta FC), Kemar Reid (Birkirkara FC).
//= $special ?>