Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Dr Leonard Caruana, illiberat mara ta’ 33 sena mill-akkużi ta’ frodi u falsifikazzjoni marbuta mal-Assistenza għal Diżabbiltà Severissima. Il-każ kien wieħed mill-applikazzjonijiet li ġew immarkati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bħala suspettużi u li ġew investigati mill-pulizija minn Ottubru tal-2022.
Benefiċjarji ta’ din l-għajnuna jirċievu €450 kull erba’ ġimgħat u fil-perjodu bejn il-5 ta’ Diċembru 2020 u t-3 ta’ Novembru 2023, l-imputata rċeviet total ta’ €17,552.78. Kontra l-mara nressqu numru ta’ akkużi fosthom li ffalsifikat ċertifikati mediċi, li għamlet użu minn dawn id-dokumenti, li għamlet dikjarazzjonijiet foloz quddiem l-awtoritajiet u li kisbet flus bi qerq.
L-applikazzjoni tagħha kienet tinkludi sitt ċertifikati mediċi li dehru li kienu maħruġa minn sitt tobba differenti. Meta dawn ġew mistoqsija mill-pulizija, kollha ċaħdu li kienu qatt raw lill-imputata jew ħarġu xi dokumenti dwarha.
Meta kienet mistoqsija mill-investigaturi, il-mara qalet li kienet ilha tbati minn Systemic Lupus Erythematosus minn meta kellha 15-il sena u li kienet ukoll qed tbati minn Artrite Rewmatika Kronika. Hija sostniet li kienet taħt il-kura tal-mediċini u li kienet tmur għand it-tabib tal-familja tagħha, l-eks deputat Laburista Silvio Grixti, li bħalissa qed jiffaċċja proċeduri kriminali dwar l-istess skandlu.
Hija qalet li kienet tafda fih għax kien jaf lill-familja tagħha u li hu kien informa tagħha l-għajnuna u anki ħa ħsieb l-applikazzjoni. Il-mara insistiet li qatt ma rat jew ippreżentat iċ-ċertifikati foloz, u li ma kellha l-ebda konnessjoni mat-tobba li isimhom deher fuqhom.
Fil-proċeduri kontra tagħha, ġie appuntat espert mediku mill-qorti li kkonferma, fuq il-bażi tar-rekords ta’ Mater Dei, li l-mara verament kienet tbati mill-Lupus u mill-Artrite Rewmatika Kronika. Dan ix-xhieda kien importanti biex il-qorti tqis li l-imputata kellha verament kundizzjoni li taqbel mal-kriterji tal-għajnuna.
Il-qorti osservat li l-prosekuzzjoni effettivament wriet li ċ-ċertifikati mediċi kienu foloz, iżda ma ġiet ippreżentata l-ebda prova li kienet il-mara li ħadithom jew li kienet taf bihom. Lanqas ma kien hemm provi li hija għamlet użu minn dawn id-dokumenti.
Barra minn hekk, il-qorti nnutat li ċ-ċertifikati ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ “dokument pubbliku, kummerċjali jew bankarju” u għalhekk l-akkuża marbuta naqset ukoll. Fir-rigward tal-akkuża ta’ dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet, il-qorti rrimarkat li hemm bżonn jintwera l-intenzjoni ta’ qerq, iżda f’dan il-każ dan ma ġiex ippruvat.
Bil-maqlub, irriżulta li l-mara kienet verament tbati mill-kundizzjoni li għaliha applikat għall-benefiċċju u li ma kellha l-ebda skop li tqarraq mal-Bord tal-Social Security Department. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-qorti qieset li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-element essenzjali tal-intenzjoni jew tal-involviment tagħha fil-falsifikazzjoni.
Għalhekk, il-Maġistrat Caruana kkonkluda li l-mara ma pproduċietx id-dokumenti, ma għamlitx użu minnhom u lanqas ma għaddiet informazzjoni falza b’għan ta’ qerq. Hija għalhekk ġiet illiberata minn kull akkuża. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Rodney Borg, filwaqt li l-avukat Jason Azzopardi deher għall-imputata.
//= $special ?>