Lokali Qorti

Milqugħ appell ta’ kumpanija li kienet ġie immultata fuq ammont ta’ tonn maqbud

It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, presedut mill-Maġistrat Charmaine Galea, laqa’ l-appell imressaq minn Mare Blu Tuna Farm Ltd kontra d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura. Din id-deċiżjoni kienet relatata ma’ diskrepanzi fl-ammont ta’ tonn maqbud u trasferit fil-gaġeġ tal-‘fish farm’.

Mare Blu Tuna Farm Ltd, kienet infurmata b’avviż tal-20 ta’ Awwissu 2024 li fi tliet trasferimenti ta’ kontroll saru diskrepanzi li qabżu l-marġni ta’ tolleranza ta’ 5% permess mil-liġi. Dawn id-diskrepanzi laħqu total ta’ 645 tunnellata żejda, u għaldaqstant ġiet imposta multa amministrattiva ta’ €10,000.

Il-kumpanija qalet li l-avviż kien difettuż għax ma kienx fih sommarju ċar tal-fatti kif titlob il-liġi, u għalhekk ma setgħetx tipprepara b’mod adegwat id-difiża tagħha. Barra minn hekk, insistiet li d-differenzi jistgħu jkunu dovuti għal fatturi ambjentali jew għal limitazzjonijiet fil-proċess ta’ għadd tal-ħut, u li dejjem osservat ir-regolamenti u kkoperat mal-awtoritajiet.

Min-naħa tiegħu, id-Dipartiment tas-Sajd argumenta li l-proċeduri kienu regolari, li l-avviż kien validu u li d-diskrepanzi misjuba kienu sostanzjali u jaqgħu taħt il-ksur tal-liġi. It-Tribunal osserva li l-provi juru kif fil-gaġġa numru 17 instabu 2,140 tunnellata meta oriġinarjament kienu ddaħħlu 1,802 tunnellata (żieda ta’ 18.76%), u fil-gaġġa numru sitta instabu 1,734 tunnellata meta oriġinarjament kienu ddaħħlu 1,554 tunnellata (żieda ta’ 11.58%).

Dawn iċ-ċifri qabżu b’mod ċar il-marġni ta’ 5%. Madankollu, il-proċess amministrattiv kellu nuqqasijiet serji. It-Tribunal irrileva li l-avviż ma kienx fih sommarju dettaljat tal-fatti kif tipprevedi l-liġi, u lanqas ma kien ippreżentat biżżejjed provi bħall-filmati tal-għadd tal-ħut sabiex ikun jista’ jiġi evalwat il-proċess ta’ verifika.

Barra minn hekk, ma ġie spjegatx kif intlaħqet iċ-ċifra ta’ €10,000 bħala multa skont il-kriterji regolatorji. Fl-analiżi tiegħu, it-Tribunal qal li meta l-multi jistgħu jkunu sostanzjali, għandu jkun hemm proċess iktar trasparenti, u saħaq li f’każijiet ta’ diskrepanzi sostanzjali, għandu jsir għadd mill-ġdid minn uffiċjali differenti biex jiġu kkonfermati r-riżultati.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet l-appell ta’ Mare Blu Tuna Farm Ltd, ħassret u revokat id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali, u imponiet l-ispejjeż tal-kawża kontra d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd.