Edukazzjoni Lokali

“Numru ta’ skejjel bla textbooks” – PN

Il-Gvern jonqos milli jipprovdi t-textbooks u l-workbooks u jistaġna l-klassijiet

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt assolut tiegħu għall-fatt li numru kbir ta’ textbooks u workbooks li jintużaw fl-iskejjel Primarji, Medji u Sekondarji tal-Istat għadhom mhumiex disponibbli għall-għalliema, għall-edukaturi u saħansitra għall-istudenti anke jekk l-iskejjel issa ilhom li fetħu ġimagħtejn.

Fi stqarrija, Justin Schembri ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni, spjega kif dan in-nuqqas serju qed joħloq sfidi ġodda lill-għalliema u lill-edukaturi li hekk kif bdiet sena skolastika ġdida ma jistgħux jaħdmu abbażi ta’ dak li ħejjew matul ix-xhur li għaddew, u jridu jsibu soluzzjonijiet immedjati u temporanji biex jagħtu l-lezzjonijiet skedati.

Din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli, iktar u iktar għaliex il-maġġoranza tat-textbooks u tal-workbooks ilhom li ġew ordnati saħansitra minn Novembru tas-sena li għaddiet. Fost it-textbooks u l-workbooks neqsin hemm uħud mandatorji skont is-sillabi rispettivi kemm fil-livell Primarju u kemm fil-livell Medju u Sekondarju, u li jkopru diversi suġġetti bħall-Malti, il-Matematika, ix-Xjenza u l-Ingliż.

Din l-inkompetenza turi biċ-ċar li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qiegħed jonqos lill-għalliema, lill-edukaturi u lill-istudenti – inkompetenza li ġustifikament qed tkun ikkritikata minn bosta għalliema, edukaturi u ġenituri.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna rimedju immedjat mill-Ministeru, u jsejjaħ għal responsabbiltà. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tagħmel diversi Mistoqsijiet Parlamentari dwar it-textbooks u l-workbooks neqsin u tistenna lill-Gvern jipprovdi t-tweġibiet f’waqthom.

Din l-attitudni ta’ inkompetenza min-naħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni tikkonferma li l-Gvern mhux veru jinteressah mill-benesseri tal-għalliema u tal-edukaturi li qegħdin jitħallew ifendu għal rashom mingħajr ir-riżorsi l-aktar bażiċi tal-klassi.

Bejn dak li jgħidu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u dak li qed jiġri, hemm differenza kbira.