Opinjoni

OPINJONI: Il-kontribut tal-anzjani lis-soċjetà

L-anzjani mhux talli mhumiex piż fuq il-pajjiż iżda huma riżorsa. Ħafna anzjani jibqgħu jaħdmu wara li jieħdu l-pensjoni. Xi ħaġa li saret possibbli anke għall-fatt li Gvern Nazzjonalista kien iddeċieda li l-anzjani li jibqgħu jaħdmu ma jitilfu xejn mill-pensjoni

Għada l-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti, l-APAN, tagħlaq erbat ijiem ta’  attivitajiet li jfakkru l-Jum internazzjonali tal-Anzjani. F’dawn il-jiem irnexxielna nilħqu numru kbir ta’ anzjani u nispjegawlhom x’qed nagħmlu bħala APAN biex naraw li jgħixu ħajja aħjar. Biex ikollhom livell ta’ għajxien aħjar. Tkellimna dwar x’qed iwassal biex għandna 31,000 anzjani fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali u għaliex fl-aħħar tnax-il sena – jiġifieri mill-2013 ’l hawn – dawn żdiedu b’iktar mid-doppju. Fl-2013 kienu 14,000. Żorna anzjani fi djar tal-anzjani, żorna mexxejja Nazzjonalisti li tant ikkontribwew għat-titjib fil-ħajja tal-anzjani. Fuq kollox komplejna saħħaħna d-determinazzjoni tagħna li naħdmu biex il-futur tal-anzjani jkun aħjar milli hu llum.

Joe M. Zahra

President APAN

Nemmen li fid-dikjarazzjoni tal-1 ta’ Ottubru bħala l-Jum Internazzjonali ta’ Persuni Anzjani pajjiżna kien protagonist. Fl-1968, meta fil-gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier, Malta qajmet il-kwestjoni tal-anzjanità bħala materja ta’ tħassib interazzjonali.

Ħdax-il sena wara l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, permezz ta’ Riżoluzzjoni 37/51, qablet li fl-1982 torganiza Assemblea Dinjija dwar l-Anzjanità. L-Assemblea qablet fost affarijiet oħra li tippromwovi t-taħriġ u l-istħarriġ.

Fid-9 ta’ Ottubru 1987, meta fil-gvern reġa’ kien hemm il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, kien iffirmat ftehim bejn in-Nazzjonijiet Uniti u Malta biex jitwaqqaf f’pajjiżna l-Istitut Internazzjonali tal-Anzjanità. Għal Malta kien iffirma l-Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Permezz ta’  dan il-ftehim twaqqfet entità awtonoma taħt l-awspiċji tal-Nazzjonijiet Uniti. Dan l-Institute twaqqaf bl-iskop li jipprovdi programmi ta’ taħriġ u riċerka professjonali fid-dinja li qed tiżviluppa għall-persuni responsabbli mill-ippjanar, formulazzjoni ta’ politika u immaniġġjar tal-anzjani jew għal dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani. L-Institut kien inawgurat f’pajjiżna fil-15 ta’ April 1988 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Javier Peres de Cuellar.

Fl-14 ta’ Diċembru 1990 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għaddiet riżoluzzjoni 45/106 fejn iddikjarat l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena bħala l-Jum Internazzjonali ta’ Persuni Anzjani.

Hekk l-ewwel xrara li Malta qabbdet fl-1968 inbidlet fir-rikonixximent tal-anzjanità f’jum iddedikat għalihom. U fit-twaqqif tal-Istitut Internazzjonali tal-Anzjanità li kif kien xieraq twaqqaf Malta. Anke bħala rikonoxxient tal-ħidma ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.

L-anzjani riżorsa għall-pajjiż

Meta nikteb dwar l-anzjani, filwaqt li niftakar li jien ukoll anzjan, inħares lura fis-snin biex nara kemm bis-saħħa tagħna l-anzjani nbidel pajjiżna. Niftakar kemm grazzi għall-kura tal-lum il-Maltin  u l-Għawdxin  huma fost l-iktar li qed jgħixu fl-Unjoni Ewropea. Niftakar kif pajjiżna minn kolonja sar nazzjon wara li gvern immexxi minn Ġorġ Borg Olivier kiseb l-Indipendenza. Niftakar li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea wara li Eddie Fenech Adami għamel ġlieda għal dan il-għan b’konvinzjoni u b’determinazzjoni. Niftakar kif Lawrence Gonzi daħħalna fiz-zona ewro. Iżda fuq kollox niftakar li bħala anzjani qed ngħixu iżjed u fil-maġġoranza tal-każi aħjar.

L-anzjani mhux talli mhumiex piż fuq il-pajjiż iżda huma riżorsa. Ħafna anzjani jibqgħu jaħdmu wara li jieħdu l-pensjoni. Xi ħaġa li saret possibbli anke għall-fatt li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien iddeċieda li l-anzjani li jibqgħu jaħdmu ma jitilfu xejn mill-pensjoni.

Studju riċenti sab li ħaddiem f’pajjiż żviluppat illum qed jaħdem erba’ snin iktar milli kienet fis-sena 2000. Ħaddiema anzjani qed isiru iktar produttivi. Ħaddiem ta’ 70 sena fl-2022 kellu l-istess abilitajiet konjittivi daqs kemm  kellu ħaddiem ta’ 53 sena fis-sena 2000. L-abbilitajiet konjittivi jirreferu għall-proċessi mentali li jippermettulna naħsbu, nitgħallmu, nirraġunaw u nsolvu l-problemi. Jiġbru ħiliet bħall-memorja, attenzjoni u ħsieb kritiku.

Li anzjani jibqgħu jaħdmu jikkontribwixxi lejn li jibqgħu f’kuntatt ma’ sħabhom u mal-pubbliku. U biex jgħinu jnaqqsu mix-xitwa demografika li qed twassal għal nuqqas ta’ ħaddiema lokali. U allura biex ikunu ingaġġati ħaddiema barranin.

Kura fit-tul

Il-gvernijiet illum ma jistgħux ikomplu jaħdmu fuq sistema li tagħti kura bla pjan. Irid ikun hemm pjani għal kura fit-tul. Servizzi ta’ appoġġ lil dawk li mhumiex kapaċi jwettqu l-arttivitajiet tagħhom ta’ kuljum.

Din il-kura tiswa l-flus iżda jekk imħaddma tajjeb twassal ukoll biex il-gvern jonfoq inqas. Ħalli nispjega. Jekk l-anzjani jinżammu fi djarhom u jingħataw servizzi biex dan iseħħ il-Gvern jiffranka miljuni ta’ ewro milli kieku jkollu jsibilhom  sodda f’dar tal-anzjani.

Ma ninsewx li għandna madwar 2,000 persuna anzjana li qed jistennew li jinstabilhom  post f’dar tal-anzjani. Post f’dar tal-anzjani jiswa ħafna iktar minn għajnuna lill-anzjani li jkunu jeħtieġuha u li tingħatalhom f’darhom. Din is-sitwazzjoni ġiet komplikata għaliex il-gvern flok bena iktar djar tal-anzjani u ssokta fejn kien ħalla gvern Nazzjonalista, għalaq id-djar tal-Imsida u Bormla. Bir-riżultat li qed jixti iktar sodod fi djar privati li anqas huma ma jistgħu jlaħħqu mad-domanda!

Din iġġib magħha l-problema ta’ carers. Dan l-aħħar qrajna li l-proċedura biex jinġiebu carers minn barra – għaliex f’pajjiżna m’għandniex biżżejjed – tant hi diffiċli li anzjani jispiċċaw imutu qabel ikollhom carer jieħu ħsiebhom.

Dawn huma problemi li bi ftit ippjanar tista’ tinstabilhom soluzzjoni u tnaqqas ħafna tbatija lil anzjani li jkollhom bżonn l-għajnuna.

Aħna tal-APAN ilna għal dawn l-aħħar snin nipproponu li l-Gvern jixtri bini mitluq fiċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula tagħna u jibdilhom f’appartamenti żgħar għall-anzjani li hekk ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fiċ-ċentru tal-komunità fejn ikunu trabbew u għexu.

Il-barometru tal-faqar

Il-barometru ta’ kif qed jgħixu l-anzjani tagħna huma ċ-ċifri li joħorġu ta’ kull sena li juruna kemm  hemm  anzjani ta’ iktar minn 65 sena fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali.

Fl-2024 kien hemm 30,745 anzjan fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali – 31.7 fil-mija tal-anzjani kollha ta0’ iktar minn 65 sena. Minn dawn 13,028 kienu rġiel u 17,717 nisa.

Fl-2013 in-numru ta’ anzjani fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali kien ta’ 14,018 – inqas minn nofs ta’ dak li huma llum. Hawnhekk ukoll kien hemm iktar nisa milli rġiel – 7,752 nisa u 6,266 irġiel.

Dawn iċ-ċifri jindikaw li mhux veru li l-anzjani qed igħixu aħjar. Kieku ma kienx ikun hemm kważi terz minnhom fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-friża tal-Labour

Il-Laburisti ilhom champions tal-fake news. Jippruvaw idaħħlu f’moħħ in-nies li kienu gvernijiet Nazzjonalisti li għamlu friża fuq il-pensjonijiet. Il-Gvernijiet Nazzjonalisti mhux talli m’għamlux friża fuq il-pensjonijiet talli lill-pensjonanti fil-25 sena li għamlu fil-Gvern żidhom iktar mid-doppju li għoliet il-ħajja. Il-friża fuq il-pensjonijiet u l-pagi kien għamilha gvern  laburista bejn l-1982 u Mejju 1987.

Barra minhekk gvernijiet Nazzjonalisti daħħlu diversi miżuri favur il-pensjonanti u l-anzjani. Dik li semmejt iktar ’il fuq fejn  anzjani li jibqa’ jaħdem jibqgħu jieħu l-pensjoni sħiħa.  Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma baqgħetx iżjed ta’ żewġ terzi ta’ kemm togħla l-ħajja iżda żieda sħiħa. Beda jingħata bonus lil dawk ta’ iktar minn 80 sena li jgħixu waħedhom.

Inbnew l-ewwel djar tal-anzjani. Twettqu diversi miżuri biex l-anzjani li jgħixu waħedhom tingħatalhom  għajnuna f’darhom. Miżuri li jinkludu l-“meals on wheels”, is-servizz tat-telecare; servizz ta’ manutenzjoni; home help; day shelters u l-ewwel night shelters.

Dan kollu għen biex l-anzjani jgħixu aħjar. F’darhom u barra minn darhom. U biex ikollhom livell tal-għajxien aħjar. Livell tal-għajxien aħjar li gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed li jkompli jtejjeb għall-anzjani tagħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 3 ta’ Ottubru, 2025.