L-attakk xokkanti tal-Ħamis fuq is-sinagoga fiz-zona ta’ Greater Manchester qed ikun deskritt minn diversi awtoritajiet bħala ‘riżultat traġiku tal-mibgħeda sfrenata u bla rażan għall-komunitajiet tal-Lhud madwar id-dinja.’
Dan meta qed ikomplu l-investigazzjonijiet dwar l-attakk terroristiku fis-sinagoga ta’ Heaton Park….Attakk li seħħ fil-Jum ta’ Yom Kipper, l-aktar ġurnata qaddisa għal-Lhud, u li ħalla żewġ irġiel mejtin u numru mhux ikkonfermati ta’ midruba.
L-attakk seħħ meta raġel saq karozza fid-direzzjoni tal-pubbliku qabel ħareġ minnha u beda jxejjer daqqiet ta’ sikkina lejn kulmin inzerta quddiemu.
L-aggressur, li nqatel bit-tiri li sparawlu l-pulizija, kien identifikat bħala Jihad Al-Shamie – raġel ta’ dixxendenza Sirjana li kien ingħata ċ-ċittadinanza Britannika fl-2016.
Il-familja tiegħu, fl-aħħar sigħat, ħarġet stqarrija biex tiddisassoċja lilha nfisha kompletament mill-attakk u fejn anki esprimiet xokk u niket għall-iżviluppi terribbli.
Sadanittant, sar magħruf li wieħed mill-vittmi tal-attakk fuq is-sinagoga kien intlaqat mit-tiri tal-pulizija wara li huma fetħu n-nar fuq l-aggressur.
Fl-aħħar sigħat ukoll, tlett persuni oħra nżammu taħt arrest b’konnessjoni mal-attakk, bl-investigazzjoni qed tinkludi wkoll il-fergħa tal-pulizija għal kontra t-terroriżmu.
Il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, akkumpanjat minn martu, Victoria; is-Segretarju għall-Intern, Shabana Mahmoud u s-Sindku ta’ Greater Manchester, Andy Burnham, żaru l-kwartieri tal-Pulizija ta’ Greater Manchester biex jiltaqgħu mal-uffiċjali tal-liġi u l-first responders li wieġbu minnufih għall-istat ta’ emerġenza fl-inħawi tas-sinagoga.
Starmer irringrazzja lill-pulizija u s-sosten ituri tagħhom għan-nom tal-pajjiż waqt li faħħar il-mod professjonali kif huma reaġew f’dawk il-minuti tat-twerwir li ħasdu lill-pajjiż kollu.
Starmer enfasizza li l-attakk kellu skop terroristiku partikulari u fejn l-aggressur ipprova minn kollox biex joħloq klima ta’ biża.
Il-Prim Ministru kompla li l-Britanniċi kollha jeħtieġu jesprimu, b’leħen wieħed, solidarjetà mal-Lhud fil-pajjiż waqt li saħaq li l-poplu fir-Renju Unit għandu dmir u responsabbiltà biex jegħleb is-sentimenti qawwija ta’ anti-semitiżmu. Dan ukoll fost it-tisħiħ tas-sigurtà madwar il-komunitajiet tal-Lhud kollha.
Min-naħa tagħhom, ir-rabbis u kelliema oħra għall-komunitajiet tal-Lhud fl-Ingilterra referew għall-media soċjali bħala ‘strument li qed iferrex il-mibgħeda għal-Lhud u s-sentimenti ta’ biża’ qalb is-soċjetà.’
//= $special ?>