Futbol Sport

Ronald Koeman bl-aqwa skwadra ta’ plejers possibli għal kontra Malta

Virgil van Dijk u Cody Gakpo fost il-plejers Olandiżi magħżula għal kontra Malta.
Virgil van Dijk u Cody Gakpo fost il-plejers Olandiżi magħżula għal kontra Malta.

Il-kowċ nazzjonali Olandiż, Ronald Koeman sejjaħ l-aqwa skwadra possibli, skont il-plejers li huma disponibbli, għaż-żewġ partiti li l-Oranje se jkunu qed jilgħabu fil-jiem li ġejjin kontra Malta u l-Finlandja.

L-ewwel partita tal-Olanda se tkun kontra Malta, f’Ta’Qali u se tkun qed tintlagħab nhar il-Ħamis li ġej. Koeman għażel skwadra ta’ 24 plejer, u ma ħalla ebda mill-fenomeni tat-tim nazzjonali barra mill-iskwadra.

L-għażla ta’ Koeman tinkludi ukoll lill-attakkant u l-aqwa skorer ta’ kull żmien, Memphis Depay li fl-aħħar xaħar kien nieqes mil-logħob, tant li lagħab biss 45 minuta mat-tim tiegħu, Corinthians tal-Brażil. Madankollu, għall-ewwel darba, Koeman sejjaħ fl-iskwadra lill-attakkant żagħżugħ ta’ AZ Alkmaar, Mexx Meerdink. Il-plejer ta’ 22 sena se jkun qed jieħu post l-attakkant ta’ Feyenoord, Sem Steijn li tħalla barra mill-għażla finali tal-kowċ Koeman.

Fost l-24 plejer Olandiż, hemm ir-ritorn wara nuqqas ta’ sentejn, tad-difensur li jilgħab fuq ix-xellug, Quilindschy Hartman. Il-plejer ta’ 23 sena kien mgħajjat għall-ewwel darba f’Novembru tal-2023 u sal-lum lagħab erba’ darbiet mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. Fil-bidu ta’ dan l-istaġun, Hartman ħalla lil Feyenoord u ffirma mal-klabb tal-Premier League Ingliż, Burnley.

L-iskwadra Olandiża għal kontra Malta f’Ta’Qali tinkludi ismijiet magħrufa fix-xena internazzjonali fosthom Denzel Dumfries ta’ Inter, Virgil van Dijk, Ryan Gravenberch u Cody Gakpo ta’ Liverpool u Tijjani Reijnders ta’ Manchester City fost l-oħrajn.

L-iskwadra Olandiża li se tkun qed tasal f’Malta fil-jiem li ġejjin se tkun komposta minn dawn il-plejers:

Gowlkipers | Mark Flekken (Bayer Leverkusen), Robin Roefs (Sunderland), Bart Verbruggen (Brighton & Hove Albion).

Difensuri | Nathan Ake (Manchester City), Stefan de Vrij (Inter), Denzel Dumfries (Inter), Jeremie Frimpong (Liverpool), Quilindschy Hartman (Burnley), Jurrien Timber (Arsenal), Quinten Timber (Feyenoord), Micky van de Ven (Tottenham Hotspur), Virgil van Dijk (Liverpool), Jan Paul van Hecke (Brighton & Hove Albion).

Midfielders | Frenkie de Jong (Barcelona), Ryan Gravenberch (Liverpool), Justin Kluivert (Bournemouth), Tijjani Reijnders (Manchester City), Jerdy Schouten (PSV Eindhoven).

Attakkanti | Memphis Depay (Corinthians), Cody Gakpo (Liverpool), Donyell Malen (Aston Villa), Mexx Meerdink (AZ Alkmaar), Xavi Simons (Tottenham Hotspur), Wout Weghorst (Ajax Amsterdam).