Lokali Qorti

Ryanair ordnati jħallsu aktar minn €1,200 f’kumpens lil passiġġier

It-Tribunal tal-Klejms iż-Żgħar, taħt il-Proċedura Ewropea, presedut mill-Avukat Christopher Chircop, ta raġun lill-passiġġier BrażiljanThiago Henrique Folador kontra l-linja tal-ajru Ryanair DAC. Il-każ kien imressaq taħt ir-Regolament Ewropew u kien jinvolvi talba ta’ €1,204.43 fi spejjeż u kumpens minħabba titjira kkanċellata.

Il-fatti jmorru lura għat-25 ta’ Ġunju 2022 meta Folador kellu booking fuq titjira Ryanair minn Milan Malpensa għal Malta. Hu sostna li meta mar fl-ajruport ġie infurmat minn impjegat tal-linja tal-ajru li t-titjira tħassret minħabba strajk tal-ħaddiema.

Minkejja t-talbiet tiegħu għal titjira alternattiva jew akkomodazzjoni temporanja, l-attendant wieġbu li ma seta’ jagħmel xejn. Folador kellu għalhekk joqgħod f’lukanda ħdejn l-ajruport u jixtri biljett ġdid mal-EasyJet għal titjira li telqet fit-28 ta’ Ġunju.Ryanair, min-naħa tagħha, qalet li t-titjira tħassret mhux minħabba strajk iżda għal raġunijiet indipendenti mill-kumpanija, fosthom limitazzjonijiet fuq ‘slots’ tat-traffiku tal-ajru u l-ħin legali tax-xogħol tal-ekwipaġġ.

Il-kumpanija insistiet ukoll li l-passiġġier kien ġie notifikat bil-kanċellazzjoni u ngħata l-għażla ta’ titjira oħra jew rifużjoni, iżda għażel li jixtri biljett ma’ kumpanija oħra.It-Tribunal, iżda, irrefera wkoll għas-sit uffiċjali ta’ Ryanair ta’ dak iż-żmien li ammetta li kien hemm strajk u xi titjiriet affettwati.

Fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal kkonkluda li t-titjira kienet ġiet ikkanċellata proprju minħabba strajk u mhux għal raġunijiet oħra kif sostniet il-kumpanija. Barra minn hekk, sostna li l-passiġġier ippreżenta rċevuti u dokumentazzjoni dettaljata li juru kif kellu jħallas total ta’ €954.43 fi spejjeż ta’ lukanda, trasport u titjira l-ġdida.Folador talab ukoll kumpens ta’ €250 taħt ir-Regolament Ewropew li jiggarantixxi drittijiet ta’ kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjiriet.

It-Tribunal aċċetta wkoll din it-talba u kkundanna lil Ryanair biex tħallasu dan l-ammont.B’kollox, ir-Ryanair ġiet ordnata tħallas €1,204.43 flimkien ma’ interessi statutorji ta’ 8% mid-data tat-talba sal-ħlas effettiv. L-ispejjeż kollha tal-kawża għandhom jinġarru mill-linja tal-ajru.

Din id-deċiżjoni tfakkar fid-drittijiet li għandhom il-passiġġieri Ewropej meta jaffaċċjaw titjiriet ikkanċellati jew dewmien estensiv, speċjalment meta l-kanċellazzjonijiet ikunu relatati ma’ strajk tal-ħaddiema tal-linja tal-ajru.