Lokali

AĠĠORNATA: Erba’ Maltin imutu fil-Kroazja wara li waqgħu fil-baħar b’karozza tal-kiri

Traġedja li seħħet f’Bunica viċin il-belt ta’ Senj fil-Kroazja. Dan hekk kif erba’ Maltin, żewġt irġiel u żewġ nisa, mietu f’inċident li seħħ il-Ħamis għal-ħabta tal-4:20pm, wara li l-karozza li kienu fiha spiċċat fil-baħar.

Jidher li l-vittmi kienu żewġ koppji, u kienu għaddejin b’vaganza qrib il-kosta Kroata. 

Il-midja tal-Kroazja qed tirrapporta li l-vettura Range Rover ta’ lewn abjad, u li kienet mikrija, għal xi raġuni waqgħet minn irdum ta’ madwar 70 metru u spiċċat  fil-baħar wara li s-sewwieq tilef il-kontroll.

Ħafna qed jirrappurtaw illi fost dawk li waslu l-ewwel fil-post kien hemm l-uffiċċjal tal-Pulizija Jasmin Mujakovic illi minnufih, neħħa l-unformi u qabeż fil-baħar biex jagħti l-ewwel għajnuna. L-uffiċjal għamel minn kollox biex jipprova jiftaħ il-bibien tal-karozza kemm il-darba – però l-isforzi tiegħu kienu kollha għal xejn.

Il-karozza, li kienet inkriet mill-ajruport ta’ Zagreb instabet mill-għaddasa. U ttellgħet mill-baħar fl-aħħar sigħat.

Il-vettura għerqet f’fond ta’ madwar 12-il metru, bil-ħaddiema tas-salvataġġ jirnexilhom isibu xi affarijiet personali bħal mobile phones, nuċċali ta’ mara u ħafna ħelu.

Wieħed mill-għaddasa f’kummeti li ta lil media lokali tal-Kroazja qal li hu ilu madwar 30 sena, jinżel taħt l-ilma u xorta waħda qies dan l-inċident bħala wieħed mill-aktar diffiċli għalih.

Hu spjega li l-operazzjoni ta’ salvataġġ kienet waħda kumpilkata, u l-karozza kellha tittella’ minn diversi dgħajjes.

Il-Pulizija tad-dipartiment ta’ Senj irrapurtaw li s-sewwieq tilef il-kontroll tal-vettura  f’liwja lejn ix-xellug, bil-karozza iddur lejn il-lemin …laqtet żewġ bollards tal-ġebel…. u baqgħet nieżla fil-baħar.

Sorsi mhux uffiċjali qed jindikaw li s-sewwieq aktarx sofra xi diffikulta ta’ saħħa u kien għalhekk li tilef il-kontroll tal-vettura. Dan se jkun ikkonfermat minn awtopsja li qed issir.

Aktar kmieni ix-xahar li għadda koppja oħra Maltja, Manuel u Doris Buhagiar kienu mietu f’inċident tat-traffiku fi Sqallija.