Grieg ta’ 38 sena – Kleon Andrikopoulos, li m’għandux indirizz fiss, akkużat b’importazzjoni ta’ 25 kilo droga kokaina minn Sqallija li fit-triq għandha valur ta’ €1.5 miljun. Huwa ġie mixli wkoll bi traffikar u b’pussess aggravat ta’ l-istess droga. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni rrakkuntat kif nhar il-Ħamis filgħaxija, għall-ħabta tad-9.15pm, Andrikopoulos wasal Malta fuq katamaran minn Sqallija f’karozza Opel li kien qed isuq. Uffiċjali tad-dwana, waqt kontrolli każwali, waqfuh u s-suspettati kibru minħabba d-diversi kompartimenti li kellu fil-vettura.
L-akkużat qalilhom li kien jaħdem għal kumpanija tal-kostruzzjoni, iżda l-awtoritajiet skoprew li l-kumpanija kienet topera f’settur differenti. Il-karozza ttieħdet Birżebbuġa fejn ġiet skennjata. L-iskennjar ikkonferma l-preżenza ta’ pakketti moħbija wara pannelli foloz tal-injam.
Meta ġiet eżaminata, instabu 25 pakkett, kull wieħed jiżen madwar kilo. L-Ispettur Francesco Mizzi spjega li Andrikopoulos ġie arrestat fuq il-post. Madankollu, l-avukati tad-difiża Franco Debono u Nicholas Mifsud qajmu dubji dwar il-validità tal-arrest billi sostnew li l-klijent tagħhom ingħata interpretu bil-Grieg biss 16-il siegħa wara li ġie arrestat.
Il-prosekuzzjoni qalet li nħariġlu wkoll fuljett bil-lingwa Griega li jispjega d-drittijiet tiegħu, billi l-akkużat ma jitkellimx bl-Ingliż. Il-Maġistrat Gabriella Vella, li mexxiet is-seduta, laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni sabiex tiġi ordnata ffriżar tal-assi tal-akkużat.
Fl-istess ħin, qed titmexxa inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Philip Galea Farrugia dwar il-każ u ċ-ċirkustanzi tal-arrest u s-sejba tad-droga.
//= $special ?>