Futbol Sport

Floriana jsaħħu l-ewwel post bir-raba’ rebħa konsekuttiva, filwaqt li Birkirkara jkomplu fit-triq it-tajba

Mustapha Jah
Mustapha Jah

Floriana jsaħħu l-ewwel post bir-raba’ rebħa konsekuttiva, filwaqt li Birkirkara jkomplu fit-triq it-tajba

Floriana saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika tal-Malta Premier, meta f’match day 8 huma għelbu lil Hibernians 1-0 b’gowl deċiżiv li kien skorjat minn Mustapha Jah wara kwarta logħob.

Din kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva għall-greens u qabel iż-żewġ partiti ta’ għada l-Ħadd, li jmisshom jilgħabu Valletta u Ħamrun Spartans kontra Naxxar Lions u Sliema Wanderers rispettivament, huma għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti, iżda b’logħba aktar.

Għal Hibernians, din kienet żelqa oħra, it-tieni waħda konsekuttiva u minn tim li s’issa għad għandu l-aqwa attakk tal-Kampjonat, fl-aħħar żewġ partiti kontra Ħamrun Spartans u Floriana huma naqsu milli skorjaw.

Intant fit-tieni logħba tal-Ġimgħa filgħaxija, Birkirkara komplew juru progress u għall-ħames logħba konsekuttiva huma ma tilfux u rebħu l-punti. L-Istripes għelbu lil Żabbar St Patrick 2-0, f’partita li kienet ibbilanċjata bid-differenza li l-Istripes sfruttaw l-okkazzjonijiet ta’ skor li kellhom fl-attakk, filwaqt li t-tim taħt il-gwida tal-kowċ Taljan, Aniello Parisi m’għamilx dan.

Birkirkara marru fil-vantaġġ fis-37 minuta permezz ta’ Macula u fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, minn azzjoni ta’ kontra-attakk, Kemar Reid għalaq il-logħba bit-tieni gowl għal skor finali ta’ 2-0.