Lokali

“Irtirawhom issa” : Eluf jinġabru fi protesta nazzjonali

“Il-liġijiet li ressaq il-Gvern Laburista b’rabta mal-iżvilupp se jeqirdu kull salvagwardja ambjentali. Għalhekk għandhom jiġu rtirati”.

Kien dan is-sentiment tal-eluf ta’ dimostranti li niżlu fit-toroq tal-Belt Valletta jipprotestaw kontra dik li l-Gvern Laburista qed isejjħilha riforma tal-iżvilupp f’pajjiżna.

L-għajta kienet waħda – irtirawhom issa. Waqfu din il-ħerba għaliex issa xebbajtuna. Dawn kienu ftit mill-kitbiet li kellhom f’idejhom id-dimostranti li telqu minn quddiem il-Qorti ta’ Malta, niżlu sa quddiem il-Parlament, Pjazza Tritoni u fl-aħħar għad-diskorsi fi Pjazza Kastilja.

B’kollox kienu madwar 70 għaqda u organizazzjoni li pprotestaw kontra l-abbozzi ta’ liġi 143 u 144. abbozzi li – fi kliem dawn id-dimostranti se jeqirdu l-ambjent, u se jnaqqsu mid-drittijiet tal-poplu u l-poter tal-Qorti Maltija.

NetNews kien preżenti u tkellem ma’ numru ta’ rappreżentanti mill-NGOs u għaqdiet varji fosthom Andre Callus mill-Moviment Graffitti u anke Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar.

Kien anke ż-żgħażugħ Andrew Drago li spjega li tant huma inkwetanti dawn l-abbozzi li numru ta’ żgħażagħ ifformaw l-organizazzjoni Front Żgħażagħ għall- Ambjent. Flimkien ma’ Vicky Ann Cremona li spjegat li l-Gvern ma jistax jibqa’ jidħaq bin-nies.

Net News tkellem ukoll ma’ Ingram Bondin mill-NGO ambjentali Ramblers u anke Mark Sultana mill-BirdLife.

Preżenti għal din il-protesta kienu wkoll rappreżentanti ta’ Din l-Art Ħelwa flimkien ma’ Moviment Graffitti.

Kienu eluf preżenti għal din il-protesta li għajtet kontra l-liġijiet imressqin sabiex jgħinu lill-ftit minflok l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Liġijiet li se jbiddlu kompletament l-identità Maltija…u li se jagħtu aktar poter lill-Planning Authority.

Kien għalhekk li għajta kienet waħda; sabiex il-Gvern jiritra l-abbozzi ta’ liġi, jarmihom u jibda konstulazzjoni mill-ġdid dwar din ir-riforma. Dan għaliex permezz biha se jinqered l-ambjent u d-dritt taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien ma’ numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista.