Lokali

ll-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jtejjeb is-servizzi b’risq l-anzjani

Ritratt: Martin Agius

F’attività organizzata mill-Assoċjazzjoni Pensjonati Anzjani Nazzjonalisti s-Sibt filgħodu f’Dar Ċentrali, b’kommemorazzjoni għal Jum Dinji tal-Anzjani, ġie rringrazzjat ix-xogħol li jagħmlu l-anzjani kemm għal Partit, kif ukoll għax-xogħol li għamlu matul ħajjithom.

Ritratt: Martin Agius

Matul din l-attivita tkellem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, li rringrazzja lil dawk preżenti li kellhom il-viżjoni tal-Partit għal dak li hu llum. Semma wkoll li l-anzjani qed jaffaċċjaw għadd ta’ sfidi, u l-Partit Nazzjonalista irid ikun ta’ tarka għalihom… u qed jagħmel dan billi joħloq għadd ta’ proposti biex ikun jista jkun ta’ għajnuna għalihom, fejn fost l-oħrajn semma proposti rigward il-penzjonijiet, s-saħħa, u l-ambjent.

Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkun spalla ma’ spalla mal-anzjani biex ikollom kwalita’ tal-ħajja aħjar, u li se jpattu lura l-ħidma li għamlu l-anzjani matul ħajjithom billi jkun hemm Gvern Nazzjonalista li verament jaħdem għal ġid tal-anzjani.

Ritratt: Martin Agius

Minn naħa tiegħu, l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione rringrazzja lill-APAN u lill-anzjani preżenti għal dak kollox li jagħmlu għal partit u lil hinn. Perici Calascione sostna li huma qed jagħti tifsira ħajja u mimlija enerġija tal-kelma ‘attiva’ marbuta mal-kelma ‘anzjani’, u li huma jagħtu eżempju lill-fergħat kollha. Hu stqarr li l-Partit Nazzjonalista għandu obbligu ċar biex jappoġja l-inizjattivi kollha tal-APAN, u li fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali huma gqed jaħdmu fuq għadd ta’ proposti għall-anzjani.

Ritratt: Martin Agius

Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, li sostna li l-APAN huma parti intristika tal-Partit, hekk kif huma jirrapreżentaw lin-nies. Bonello semma li l-anzjani għandhom l-esperjenza tal-ħajja, u li huma jħarsu lejn il-ħajja bl-esperjenzi tagħhom. Hu rringrazzjahom għall-ħidma tagħhom u ħeġġeġ aktar anzjani biex jiġu jgħinu lill-Partit.

Ritratt: Martin Agius

Preżenti għal din l-attivita’ kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Paula Mifsud Bonnici, Graham Bencini u Claudette Buttigieg.

Ritratt: Martin Agius