Lokali Qorti

Raġel arrestat b’rabta ma’ allegat importazzjoni ta’ kokaina

Grieg ta’ 37 sena ġie arrestat wara sejba ta’ 25 kilogramma sustanza suspettata kokaina li kienet se tiddaħħal Malta minn Sqallija, b’valur fis-suq li jlaħħaq madwar €1.5 miljun.

Huwa twaqqaf waqt kontrolli fuq vetturi li kienu neżlin mill-katamaran il-Ħamis filgħaxija. Ir-raġel kien qiegħed isuq Opel u beda jaġixxi b’mod suspettuż.

Il-vettura ttieħdet fil-garaxx tal-Pulizija u minn tfittxijiet li saru, f’kompartamenti foloz tal-injam li kien hemm fil-ġenb tal-karozza, instabu 25 pakkett bid-droga, b’kilo droga f’kull pakkett.

Bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat Philip Galea Farrugia li ħatar inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti is-Sibt, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.