Internazzjonali

Attakki ġodda fuq l-Ukrajna…bil-Polonja fuq l-alert

Il-qawwiet tar-Russja mill-ġdid wettqu offensiva qalila mill-ajru fuq l-Ukrajna, fost xita ta’ missili u drones li swew il-ħajja ta’ ħamsa u b’għexieren ta’ eluf ta’ Ukreni jispiċċaw bla dawl, b’konsegwenza.

L-azzjonijiet tar-Russja, fl-istess ħin, qed iħassbu sew lill-Polonja – ġar tal-Ukrajna – u meta fl-aħħar sigħat telgħu numru ta’ fighter jets biex jaċċertaw is-sigurtà fl-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżhom. Dan ukoll meta l-ajruplani tal-Pollakki kellhom anki l-appoġġ minn ajruplani militari oħra tan-NATO.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ikkonferma li, fl-attakki tar-Russi, inqatlu erba’ membri ta’ familja, fosthom tifla ta’ 15-il sena. Il-vittmi kienu rikoverati minn dar meqruda fil-villaġġ ta’ Lapaivka, bl-offensiva tikkonċentra fuq ir-reġjun ta’ Lviv u bnadi oħra lejn il-Punent tal-Ukrajna.

Il-kelliema f’Moska, intant, qalu li l-qawwiet tagħhom mexxew b’suċċess sensiela ta’ attakki fuq il-militar u l-infrastruttura tal-Ukrajna – bil-missili jolqtu wkoll il-miri fl-inħawi ta’ Zaporizhzhia.

Fil-fatt, il-President Zelensky qal li r-Russi sparaw ‘il fuq minn 50 missila u 500 attack drones lejn pajjiżu – biz-zoni ta’ Lviv iġarrbu l-akbar impatt tal-burraxka….Assedju mill-ajru li anki kaġuna s-sospensjoni tas-servizzi tat-trasport pubbliku fost il-ħsarat lill-faċilitajiet tad-dawl.