Futbol Sport

Il-konfront Juventus kontra Inter jintemm fi draw ta’ mingħajr gowls

Draw bejn Juventus u Milan li ma jikkuntenta lil ħadd mit-tnejn.
Draw bejn Juventus u Milan li ma jikkuntenta lil ħadd mit-tnejn.

Fl-iktar logħba mistennija tal-ġurnata l-ebda goal bejn Juventus u Milan biex b’dan ir-riżultat Roma u Napoli żammew weħihom l-ewwel post tal-klassifika.

Kienet logħba ferm tattiika u bilanċjata fl-ewwel taqsima iżda fit-tieni taqsima kienu Milan l-iktar perikolużi fejn kellhom l-isbaħ okkażjoni fil-bidu tat-tieni taqsima meta rebħu penalty, iżda mill-11-il metru Pulisic xeħet inkredibbilment għoli.
B’dan il-punt miksub Milan issa jinsabu weħidhom fit-tieni post tal-klassifika, żewġ punti wara Roma u Napoli, u baqgħu punt vantaġġ fuq Juventus u Inter li issa laħqu lil Juventus.

Roma żammew l-ewwel post tal-klassifika grazzi għal rebħa oħra din id-darba barra minn darhom kontra Fiorentina. It-tim immexxi minn Gasperini qed ikunu s-sorpriża pożittiva f’din l-ewwel fażi tal-istaġun u kollox jindika li l-Giallorossi se jkunu sfidanti għat-titlu.

Mhux l-istess jista’ jingħad għal Fiorentina fejn b’din it-telfa jkomplu jinżlu fil-klassifika filwaqt li tkompli tikber il-pressjoni fuq il-kowċ Stefan Pioli.

Iż-żewġ naħat kellhom xorti mħallta fl-Ewropa fost il-ġimgħa, fejn Roma fallew penalty għal tliet darbiet u tilfu fl-Olimpico kontra Lille filwaqt li l-Vjola kellhom rebħa ta’ 2-0 fil-Conference League.

U l-bidu kien tajjeb għal Fiorentina li marru fil-vantaġġ wara 14-il minuta permezz ta’ Kean iżda sat-30 minuta dawru r-riżultat b’goals ta’ Soulè u Cristante għal rebħa ferm importanti.

Napoli żammew il-pass ma’ Roma fil-quċċata tal-klassifika iżda kellhom jitħabtu iktar milli mistenni biex għelbu l-isfida ta’ Genoa.

Genoa marru fil-vantaġġ fl-34 minuta b’goal ta’ Ekhator, iżda fit-tieni taqsima ċ-champions wettqu reazzjoni u l-ewwel kisbu l-goal tad-draw permezz ta’ Anguissa u kwarta mit-tmiem reġa’ kien Hojlund li skorja l-goal tar-rebħa, wara d-doppjetta li skorja kontra Sporting fil-UEFA Champions League.

Bologna kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Pisa li lagħbu għal siegħa bi plejer inqas. Bologna fetħu l-iskor fl-24 minuta permezz ta’ Cambiaghi u fis-36 minuta Pisa kellhom lil Tourè mkeċċi. Bologna ma damux ma approfittaw u skorjaw darbtejn oħra sal-intervall permezz ta’ Moro u Orsolini biex prattikament għalqu l-logħba. Wara l-intervall wasal ukoll ir-raba’ goal skorjat minn Odgaard.

Fil-logħba ta’ nofsinhar draw interessanti bejn Udinese u Cagliari, żewġ timijiet li qed ikollhom staġun interessanti u jinsabu f’nofs il-klassifika. L-isolani fetħu l-iskor b’goal ta’ Borrelli fil-25 minuta, bil-Friulani jwieġbu fit-58 minuta b’goal ta’ Kabasele.


Riżultati

Udinese v Cagliari 1-1
Bologna v Pisa 4-0
Fiorentina v Roma 1-2
Napoli v Genoa 2-1
Juventus v Milan 0-0