Iċ-ċentru ta’ Tbilisi, il-kapitali tal-Ġorġja, mill-ġdid spiċċat xena ta’ vjolenza fejn il-Pulizija reaġixxew bil-qawwi għad-dimostranti li għadhom irrabjati għar-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali… riżulat li huma jemmnu li kienet misruqa minn partit b’affiljazzjoni partikulari mar-Russja.
Il-ġlied fil-kapitali u l-isparar tal-kanuni tal-ilma fuq id-dimostranti enfasizzaw għal darb’oħra l-kriżi politika li ilha effettiva mindu l-Partit għall-Ħolma Ġorġjana, li qed imexxi lill-pajjiż, iddikjara rebħa fl-elezzjoni parlamentari tas-sena l-oħra… elezzjoni li, skont eluf kbar ta’ Ġorġjani, insterqet sfaċċatament lill-Oppożizzjoni li tiffavorixxi sħubija sħiħa tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
Is-sitwazzjoni kompliet taqleb għall-agħar fl-aħħar xhur peress li l-Gvern Ġorġjan għadu determinat biex ma jattivax mill-ġdid it-taħditiet lejn din is-sħubija.
L-aħħar protesti f’Tbisili, intant, seħħew fl-istess ħin meta kienu qed isiru l-elezzjonijiet lokali… proċess, fil-parti kbira, ibbojkottjat mill-Oppożizzjoni.
Dan waqt li għexieren ta’ eluf ta’ Ġorġjani, il-maġġoranza tagħhom żgħażagħ, immarċjaw f’Tbilisi huma u jkantaw is-slogans kontra l-Gvern, fost it-tixjir tal-bnadar ta’ pajjiżhom u tal-Unjoni Ewropea. Waqt id-dimostrazzjonijiet spikkat ukoll is-sejħa biex il-Ministeru Ġorġjan għall-Intern jirrispetta r-rieda tal-poplu u jarresta immedjatament lil sitt deputati ewlenin tal-partit fil-Gvern.
Id-dimostranti, imbagħad, immarċjaw lejn iz-zona ta’ quddiem il-Palazz Presidenzjali fejn ippruvaw jidħlu fil-kumpless u fejn minnufih iffaċċjaw baraxx ta’ pepper spray sparat mill-Pulizija għal kontra l-irvellijiet.
Intant, dawn id-dimostrazzjonijiet huma eżempju ieħor ta’ rabja fost poplu li ma jridx li pajjiżu jitmexxa bi stil dittatorjali. Dan meta, fl-aħħar xhur, il-Gvern f’Tbilisi mexxa kampanja qalila kontra l-attivisti favur id-demokrazija, il-midja indipendenti u l-entitajiet tal-Oppożizzjoni favur il-Punent. Sitwazzjoni li minħabba fiha, ħafna mill-Kapijiet tal-Oppożizzjoni ntefgħu l-ħabs.
Il-Partit għall-Ħolma Ġorġjana, fil-preżent, qed igawdi l-aktar appoġġ mir-reġjuni tal-Ġorġja. Iżda l-eluf kbar taż-żgħażagħ residenti fiċ-ċentri urbani qed jissieħbu dejjem aktar f’kor wieħed kontra Gvern li huma konvinti li qed jaħdem mija fil-mija għall-interessi tar-Russja.
Fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin, mhumiex mistennija jonqsu d-dimostrazzjonijiet ta’ protesta f’Tbilisi u meta d-dimostranti ma waqfux jinsistu għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi u biex il-Gvern isejjaħ elezzjonijiet ġodda u bikrija għall-Parlament.
//= $special ?>

