Lokali

“Il-Partit Nazzjonlista reġa’ sar id-dar naturali taż-żgħażagħ” – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg

“Iż-żgħażagħ qed jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista. Dan huwa sinjal ċar li l-Partit Nazzjonalista reġa’ sar id-dar naturali taż-żgħażagħ tagħna. ”

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, il-Ħadd f’attività politika fin-Nadur Għawdex – fejn kompla jiltaqa’ man-nies u jwassal il-viżjoni tiegħu għal Partit Nazzjonalista u għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Fid-dawl tas-surveys li għadhom kemm ġew ippubblikati mill-Malta Today u minn Lovin Malta, iż-żagħżugħ Ludvic Saliba, staqsa lil Kap tal-Partit Nazzjonalista kif se jkun qed jirbaħ il-fiduċja tal-maġġoranza, inkluż taż-żgħażagħ.

Min-naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tenna li s-survey li ġie ppubblikat huwa turija ċara li persuni bejn 16 u 35 , il-maġġoranza minnhom kollha għażlu lill-Partit Nazzjonalista. Il-Kap saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun wieħed li jikkonvinċi lin-nies. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg saħaq li l-politika tan-nies u taż-żgħar hija politika li trebbaħ. Tenna, “Dan is-survey qed juri biċ-ċar li dak li l-Partit Nazzjonalista għamel fil-gżira Għawdxija qed jinħass f’Malta kollha – xi ħaġa li għandha timlina b’kuraġġ, determinazzjoni u enerġija.”

Matul din l-attività ħames Għawdxin oħrajn, qasmu u ddiskutew mal-Kap tal-Partit Nazzjonalisa, realtajiet kurrenti li qegħdin jaffaċċjaw ta’ kuljum f’Għawdex – liema realtajiet huma relatati mat-trasport bejn Malta u Għawdex, il-benessri tal-anzjani, l-infrastruttura tat-toroq, is-settur tal-agrikoltura, is-settur tas-saħħa fost oħrajn.

Talitha Buttigieg, studenta tas-Sixth Form, qajmet id-diffikultajiet li jsibu ż-żgħażagħ Għawdxin biex ikomplu jistudjaw jew isibu xogħol ta’ kwalità f’Għawdex. Alex Borg qal li hu stess kien għadda mill-istess diffikultajiet u spjega li taħt Gvern Nazzjonalista, Għawdex għandu jsir verament ċentru ta’ innovazzjoni u intrapriża. Biex isir dan jeħtieġ li jkun hemm investiment akbar fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja biex l-Għawdxin ma jkollhomx bilfors jaqsmu lejn Malta biex jistudjaw. 

Intant, Marita Meilak, anzjana, staqsiet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kif se jkunu qegħdin jiġu indirizzati d-diffikultajiet fejn jidħlu aspetti ta’ saħħa, mediċini u sptar, għall-anzjani Għawxdin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti serħan il-moħħ lill-anzjani kollha biex meta jiġu bżonn servizzi ta’ saħħa, isibuhom ta’ kwalità  li jixirqilhom. Il-Kap tenna li l-Partit Nazzjonalista, f’Għawdex, se jkun qed jagħmel sptar li joffri l-faċilitajiet kollha. Kompla jgħid li “jekk ikun hemm ir-rieda politika li jiġu inċentivati Maltin fis-settur tas-saħħa, ngħollulhom l-istipendju biex ikunu jistgħu joffru l-aqwa servizz.” Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li Gvern Nazzjonalista jiftaħ djar tal-anzjani f’kull lokalità biex ikollhom l-aqwa servizz li jixirqilhom. Gvern Nazzjonalista jibqa’ spalla ma’ spalla mal-anzjani għaliex tawna lil Malta u Għawdex li għandna llum.

Hayden Theuma, li huwa student tal-Università, staqsa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kif se jkunu qed jitjiebu l-oqsma tal-infrastruttura fit-toroq t’Għawdex u s-servizz tal-vapuri biex wieħed jivvjaġġa bejn Malta u Għawdex.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-interkonnettività bejn Malta u Għawdex hija prijorità. Alex Borg kompla jgħid kif il-Partit Nazzjonalista, eċċella għax tana tliet vapuri li għadna ngawdu minnhom sal-lum il-ġurnata, u sfortunatament il Gvern Laburista tana l-vapur tan-Nikolaws li ma joffrix servizz kif suppost, tant li għandna anzjani li mhumiex jiltaqgħu ma’ familthom. Sostna li taħt Gvern Nazzjonalista, se jkun qiegħed jerġa’ jiżdied il-vapur tal-merkanzija li se jgħin biex inaqqas mit-traffiku f’Malta u jagħti aktar effiċjenza lil merkanzija u lil kummerċ minn Malta għal Għawdex u minn Għawdex għal Malta.

B’rabta mal-infrastuttura semma kif fiż-żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, ġew irranġati numru ta’ toroq fosthom it-Triq ta’ Pinu, tax-Xlendi, it-triq tax-xatt f’Għajnsielem u diversi toroq oħrajn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq kif, “jeħtieġ li jkollna Gvern li jpoġġi fuq quddiem l-infrastuttura. Il-Baġit naqas 4.75 miljun għall-gżira Għawdxija u għalhekk se jsib il-Partit Nazzjonalista jipproteġi l-infratruttura ta’ Għawdex.”

Horace Vella, li huwa bidwi, staqsa lil-Kap tal-Partit Nazzjonalista x’viżjoni għandu għas-settur agrikolu biex jiġu attirati aktar bdiewa żgħażagħ u kif se jiġu indirizzati l-problemi li qed jiffaċċja dan is-settur biex il-bdiewa jibqgħu jġibu l-materja prima minn barra.

Ritratt: Catriel Farrugia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li s-settur agrikolu huwa t-tieni l-ikbar niċċa ekonomika għal gżira Għawdxija. L-agrikoltura u s-sajd huma parti essenzjali minn dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin.”Tenna li l-Oppożizzjoni resqet mozzjoni biex l-ambjent jiġi rikonoxxut fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Daqsekk il-partit Nazzjonalista għandu għal qalbu l-ambjent ta’ pajjizna.” Saħaq li għall-kuntrarju, Gvern Laburista jinsab fi stat ta’ paniku u vvota kontra għal din il-liġi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, stqarr li Gvern Nazzjonalista se jassigura li l-bdiewa u s-sajjieda kollha se jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom.

Leanne Micallef, Occupational Therapist, qajmet punt dwar in-nuqqas ta’ professjonisti fis-settur tas-saħħa u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin li jkollhom imorru Malta għal trattamenti.

Alex Borg spjega li Gvern ġdid Nazzjonalista minbarra li jara li Għawdex ikollu sptar modern, jara wkoll li s-saħħa inġenerali terġa’ ssir prijorità tal-Gvern. Kien għalhekk li fix-Shadow Cabinet tiegħu ħatar żewġ kelliema ġodda – wieħed għall-Kura Preventiva u ieħor għan-Newrodiversità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jisħaq li “tiġi meta tiġi l-elezzjoni, aħna se nkunu determinati li nagħtu lil Malta u Għawdex partit rebbieħ. Viva Malta u viva l-Partit Nazzjonalista.”

Preżenti għal din l-attività politika kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello kif ukoll numru ta’ deputati u kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

Ritratt: Catriel Farrugia