Lokali

Mara ta’ 43 sena flimkien ma’ żewġt itfal jiddaħħlu l-Isptar wara inċident fil-Gudja

Mara ta’ 43 sena flimkien ma’ żewġt itfal ta’ 14-il sena kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fil-Gudja.

Dan l-inċident seħħ is-Sibt filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax, fi Triq Dawret il-Gudja, il-Gudja.

Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija u minn stħarriġ preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn karozza tat-tip Suzuki Baleno misjuqa minn raġel ta’ 49 residenti s-Swieqi, u karozza oħra tat-tip Hyundai Getz misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena minn San Ġwann.

B’konsegwenza ta’ dan, il-karozza Hyundai Getz spiċċat fil-karreġġjata opposta u ħabtet ma’ karozza oħra tal-għamla Renault Captur, misjuqa minn raġel ta’ 50 sena, fejn f’din il-karozza kien hemm ukoll żewġ nisa ta’ 69 sena u 43 sena, kif ukoll tifla u tifel ta’ 14-il sena, ilkoll residenti r-Rabat.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lill-mara ta’ 43 sena flimkien maż-żewġt itfal l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard it-tifel ta’ 14-il sen ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li t-tifla u l-mara ta’ 43 sena ġarrbu ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.