Internazzjonali

Repubblika Ċeka: Rebħa elettorali għal Babis

Il-biljunarju popluista Andrej Babis, bħalma mistenni, rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari fir-Repubblika Ċeka — għalkemm il-Partit ANO immexxi minnu ma rnexxilux jikseb il-maġġoranza.

Babis, negozjant magħruf fost iċ-Ċeki, kien serva diġà bħala Prim Ministru ta’ pajjiżu bejn l-2017 u l-2021 u fil-jiem li ġejjin se jkun qed jieħu sehem f’taħditiet dwar il-formazzjoni ta’ koalizzjoni ġdida fi Praga.

Il-Partit ANO rebaħ madwar 35 fil-mija tal-vot popolari u li jissarraf fi 80 siġġu fil-Kamra t’Isfel tal-Parlament magħmulha minn 200 deputat. Ir-riżultat hu wkoll sinifikanti meta wieħed iqis li l-ANO irnexxielu jżid l-ammont ta’ siġġijiet mit-72 li rebaħ erba’ snin ilu.

Andrej Babis, fl-ewwel diskors lill-partitarji fi Praga wara r-rebħa, qal li dan kien suċċess storiku għalih u għall-partit tiegħu. Madankollu, il-pajjiż, ‘il quddiem, irid jegħleb diversi ostakli fl-interess nazzjonali, filwaqt li jikkonsolida numru ta’ issues – inkluża l-kwistjoni tas-sigurtà.

Min-naħa tiegħu, Babis diġà beda jiddiskuti l-possibbiltà ta’ koalizzjoni ma żewġ partiti żgħar ewroxettiċi li qabżu t-threshold meħtieġ għal rappreżentanza fil-Parlament. Dan meta jidher, għalissa, li ħadd fost il-partiti Ċeki l-oħra mhuma disposti biex jaħdmu miegħu f’kuntest governattiv.