“L-abbozzi ta’ liġi u l-avvizi legali proposti mill-Gvern dwar l-ippjannar se joħolqu stat kontinwu ta’ illegalitajiet”
Saħaq dan il-Professur Kevin Aquilina meta tkellem mat-Times of Malta, fejn tenna li dawn l-abbozzi se jneħħu s-salvagwardji li jippermettu żviluppi illegali milli jiġu kkontestati fil-Qorti.
Matul din l-intervista, Aquilina qal li dawn l-abbozzi ser jippermettu lil kulħadd jirreġolarizza żviluppi illegali billi sempliċement titħallas multa; dan apparti li qed jitwassal messaġġ negattiv.
Kevin Aquilina saħaq li l-liġi titlob li jkun hemm konformità legali, u li ħadd ma jkun ‘il fuq mill-liġi.
Hu oġġezzjona wkoll għal dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Awtorità tal-Ippjanar tbiddel il-policy mingħajr ebda bzonn ta’ approvazzjoni mill-Parlament, billi wissa li dan se jagħti aktar poter lil uffiċjali li mhumiex eletti min-nies.
Hu qal li dawn l-abbozzi ġew magħmula b’mod malizjuż fejn ir-residenti, NGOs u kif ukoll il-Kunsilli Lokali se jitneħħilhom kull rimedju li bħalissa jistgħu jgawdu meta jikkontestaw permessi illegali.
Żied jgħid li l-parteċipazzjoni tan-nies hija importanti f’demokrazija. U b’dawn l-abbozzi ser tkompli tiżdied il-pressjoni fuq dak li verament iridu n-nies.
Intant, is-Sibt kienet organizzata protesta nazzjonali, fejn kien hemm bosta għaqdiet, attivisti, illi wasslu messaġġ ċar biex dawn l-abbozzi jiġu irtirati – kif fuq kollox, ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>