Lokali

Robert Abela f’paniku; jinjora t-talbiet tal-poplu u jattakka lill-Partit Nazzjonalista

Għal jum ieħor il-Prim Ministru Abela għażel li jitfa’ taħt it-tapit kemm il-problemi li qed jolqtu lill-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll il-karba tagħhom.

F’diskors waqt attività politika f’Għawdex huwa njora kompletament l-eluf ta’ persuni li pprotestaw matul il-jum tas-Sibt kontra l-proposti li qed jimbotta l-Gvern dwar l-Ippjanar.

Injora wkoll it-talbiet tal-Għawdxin għall-investimenti li Għawdex ma jistax jgħaddi mingħajrhom, dan hekk kif fost numru ta’ proġetti li qal li għandhom isiru f’Għawdex kien hemm skiet itarrax dwar investiment fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-isptar il-ġdid f’Għawdex li ilu snin jiġi mwiegħed.

Robert Abela għażel li jinjora wkoll il-problemi li dwarhom tkellem il-Ministru tiegħu stess Clyde Caruana fosthom dawk tal-popolazzjoni Maltija li dejjem qiegħda tonqos, tant li jekk il-pajjiż jibqa’ sejjer b’din ir-rata se jkun hawn iktar barranin milli Maltin.

Minflok, Robert Abela għażel li jibbaża d-diskors politiku tiegħu bl-attaki fuq il-Partit Nazzjonalista, fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u anke fuq l-akkademiku George Vital Zammit li jinsab inkarigat mill-manifest elettorali.

B’dawn l-attaki jkomplu b’mod inkredibbli mill-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Dan hekk kif jidher li d-diskors ta’ inklużjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, ma niżel xejn tajjeb mal-Kabinett ta’ Robert Abela hekk kif il-Ministru Julia Farrugia Portelli spiċċat, tagħmel l-indirizz tagħha tattakka d-diskors li għamel Alex Borg lill-poplu kollu.

Bl-istess Ministru tispiċċa anke tajjar lin-Nazzjonalisti.