Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, indika li, fil-jiem li ġejjin, għandu jħabbar uffiċjalment il-ħelsien tal-aħħar ostaġġi li ilhom miżmuma f’Gaza mill-Ħamas, mindu t-terroristi Palestinjani wettqu l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru tal-2023 f’Iżrael.
Netanyahu hu wkoll fiduċjuż li l-Ħamas ikun suġġett għal proċess ta’ diżarm u li l-Medda ta’ Gaza, ‘il quddiem, tispiċċa demilitarizzata…. Tragwardi li, skont Netanyahu, iridu jseħħu bilfors u akkost ta’ kollox.
Il-Ħamas, aktar qabel, stqarr li kien qed jaqbel dwar il-ħelsien tal-ostaġġi skont pjan għall-paċi mressaq mill-Istati Uniti. Madankollu hemm dubju kbir dwar kemm dan il-grupp se jaqbel dwar diżarm bħala kundizzjoni ewlenija u meta l-Ħamas anki jridu jinnegozjaw dwar numnru ta’ issues.
Fl-istess ħin, il-Ħamas qed ikompli jakkuża lil Iżrael dwar il-massakri kontinwi f’Gaza fost il-bumbardamenti mill-qawwiet ta’ Netanyahu. Dan ukoll fost l-appelli biex id-dinja żżid il-pressjoni fuq l-Iżraeljani biex ma jkomplux b’dan l-assedju.
Sadanittant, it-taħditiet għall-paċi indiretti bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet involuti fil-konflitt mistennija jibdew nhar it-Tnejn, fl-Eġittu.
Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan, Donald Trump, qal li mhux se jittollera tnikkir min-naħa tal-Ħamas. Dan fost l-insistenza biex il-ftehim għall-paċi u l-ħelsien tal-Iżraeljani minn idejn it-terroristi jkun konkluż mill-aktar fis.
Trump qal ukoll li Iżrael qabel dwar fażijiet ta’ irtirar tat-truppi minn xi zoni ta’ Gaza bħala parti mill-pjan tal-Istati Uniti.
Il-pjan ibbażat fuq 20 punt jipproponi fost oħrajn għal tmiem immedjat għall-kumbattimenti u biex l-20 ostaġġi li fadal f’Gaza – flimkien mal-ostaġġi l-oħra li x’aktarx mietu fi priġunerija – jintbagħtu lura Iżrael. Hemm ukoll il-ħsieb li jinħelsu l-mijiet ta’ priġunieri Palestinjani minn Gaza bħala skambju.
.
Madankollu ftit hemm dubju li żdied l-ottimiżmu fost l-Iżraeljani u n-nies ta’ Gaza li l-ftehim kapaċi jżomm f’din il-forma. Dan speċjalment għaliex Donald Trump, li hu ossessjonat bir-rebħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, qed jieħu interess kbir personali fil-proċess għaliex irid li jibqa’ imfakkar bħala l-bniedem li temm din il-gwerra.
Il-President Trump, fl-istess ħin, ma naqasx milli jhedded lill-Ħamas li jispiċċaw suġġetti għal aktar forza militari f’każ li huma ma jaċċettawx il-kundizzjonijet kollha tal-ftehim.
//= $special ?>