Lokali

Survery maħruġ dalgħodu juri li d-distakk naqas għal 8,000 vot

Josef Galea
Alex Borg saħħaħ it-trust rating tal-Kap tal-PN għall-aħjar pożizzjoni li qatt kien fl-aħħar snin

Stħarriġ ippubblikat mill-MaltaToday juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi naqas drastikament, bid-differenza bejn il-PN u l-PL niżlet għal 8,394 vot.

Dan l-istħarriġ sar fl-aħħar ġimgħatejn fejn 741 persuna ġew mistoqsija dwar kif ser ikunu qed jivvutaw.

Domanda oħra kienet dwar min jafdaw l-aktar fit-tmexxija – b’Alex Borg jirnexxilu jsaħħaħ it-trust rating tal-Kap tal-PN, biex naqqas id-distakk minn ma’ Robert Abela b’aktar minn nofs. Fil-fatt, issa t-trust rating żdied għal 12-il punt perċentwali – fattur li deher ukoll evidenti fis-survey li għamel Vincent Marmara.

Iċ-ċifri tal-MaltaToday qed juri li l-Partit Nazzjonalista għandu appoġġ ta’ 45.9% u l-Partit Laburista għandu 48.8%, waqt li l-partiti l-oħra flimkien għandhom 5.4% tal-voti. Il-ġurnal MaltaToday qed iqabbel din id-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista mad-differenza li kien hemm fl-elezzjoni tal-MEPs li saret fl-2024.

Meta nqabblu dan is-survery ma’ ta’ Ġunju li għadda, l-Partit Laburista tilef 4.5 punti, waqt li l-Partit Nazzjonalista akkwista 6.1 punti.

Intant, dan huwa l-ewwel survey minn kemm ilu li l-Partit Nazzjonalista ħatar Kap ġdid. Turija tal-entużjażmu li ġab miegħu Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, jidher li l-persentaġġ ta’ non-voters fost il-PN naqas minn 10.5% f’Ġunju li għadda, għal 5.2% issa f’Ottubru.