NAXXAR LIONS ………………… 0
VALLETTA ………………………… 1
Valletta komplew bis-serje pożittiva tagħhom, b’rebħa oħra minima biex żammew ‘l pass mal-ġirien u rivali kbar Floriana.
Ħafna kien mistenni minn Naxxar wara l-wirja mpressjonanti kontra Sliema, iżda kontra Valletta ma kienux daqshekk letali, anki jekk taw battikata denja lill-avversarji tagħhom.
Naxxar bdew tajjeb u kienu perikolużi wara żewġ minuti meta Guehi Sekala kellu ħarba tajba u spiċċa quddiem Adilson, iżda l-goalkeeper Belti ntefa’ fuq ix-xellug tiegħu u salva u laqa’ wkoll ir-rebound ta’ Alexandro Firmino.
Fir-raba’ minuta Valleta kienu qrib il-gowl meta x-xutt mill-viċin ta’ Yuri Messias kien imblukkat, b’Jefferson de Assis jixxuttja mill-qrib u jolqot il-mimduda.
Fl-għaxar minuta Valletta kellhom freekick laterali li Brandon Paiber lagħbu ’l barra lejn Yuri Messias li x-xutt minn barra l-kaxxa tiegħu għadda ftit barra.
Valletta daħlu jistrieħu fil-vantaġġ hekk kif ħames minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima fetħu l-iskor meta minn freekick laterali ieħor ta’ Brandon Paiber, Emmanuel Mbende għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Matthias Debono fir-rokna leminija tiegħu.
Fl-għaxar minuta tat-tieni taqsima Jefferson għadda b’eleganza minn fuq Joao Moura iżda l-goalkeeper Naxxari Debono ħareġ jimblokka x-xutt fil-baxx tal-attakkant Brażiljan.
F’azzjoni mas-siegħa logħob Yuri Messias ġie f’pożizzjoni tajba fil-kaxxa, evita lil Gustavo Felipe iżda għal darb’oħra Debono ħareġ minn postu jimblokka x-xutt.
F’nofs it-tieni taqsima Naxxar laqtu l-lasta meta x-xutt ta’ Firmino xxellef mid-difensur Sava Radic u ħabat mal-lasta. L-attakkant ta’ Naxxar reġa’ ttanta xortih fis-70 minuta, iżda x-xutt tiegħu kien salvat tajjeb minn Adilson. Għal Firmino żgur li ma kinitx l-aħkjar ġurnata hekk kif ftit qabel id-90 minuta rċieva kross mil-lemin iżda minn taħt il-lasta tefa’ għoli.
Naxxar Lions: Matthias Debono, Matthias Micallef (Christian Gauci 83 min), Rosiel Pereira, Gustavo Felipe, Joao Moura, Matheus Mariano, Guehi Sekala (Edward Bolanos 58 min), Giuseppe Bonanno (Neil Pace Cocks 58 min), Joao Victor Souza (Cedric Kontchou 83 min), Vinicius Ferreira (Theo Kruger 71 min), Alexandro Firmino
Valletta: Adilson Maringa, Sava Radic, Emmanuel Mbende, Neil Micallef, Thaylor Aldama (Thomas Melillo 78 min), Evandro Gomes, Brandon Paiber (Andrea Zammit 78 min), Jake Azzopardi (Yannick Yankam 62 min, Jackson Mendoza, Yuri Messias (Keith Shaft 78 min), Jefferson de Assis (Andrei Ciolacu 71 min)
Referee: Matthew De Gabriele
Plejer tal-logħba: Joao Victor Souza (Naxxar Lions)