Lokali Qorti

“Fittex ejja għax missierek spara u sejjer jaqbeż” – Iben Salvinu Mangion

“Fittex ejja għax missierek spara u sejjer jaqbeż” kienu l-kliem ta’ persuna li ċemplet lil Jonathan Mangion, it-tifel ta’ Salvinu Mangion mixli bil-qtil ta’ Kyle Mifsud fil-21 ta’ Settembru li għadda, fejn Jonathan Mangion qal fil-Qorti li sar jaf fejn kien missieru wara l-inċident għax dan mar fejn il-flat ta’ ħabib tagħhom.

Iben l-akkużat qal li missieru lanqas biss felaħ jitkellem. Tenna li hekk kif raha l-Ispettur fl-inħawi ta’ fejn joqgħod missieru mar jgħidlu b’kollox u ħadu fejn kien missieru. “Jien għedt li din bil-kotra ġejja”, jiġifieri li se jispiċċaw jisparaw lil missieru.

Fuq mistoqsija tal-Qorti huwa qal li lest li jixhed fil-każ minkejja li kellu d-dritt li ma jixhidx. Qal li kien hemm koppja kienu ilhom jiġru warajh. Kemm-il darba wissihom biex iħallu bi kwietu lil missieru. In-nies kienu jgħidulu li kien jeħdolu l-flus. Qal li sentejn ilu Kyle kien daħal jisirqu. Sostna wkoll li kienu jċemplulu l-ġirien ta’ missieru u jgħidulu li kienu jaggreduh.

Dan ħareġ hekk kif il-kumpilazzjoni ta’ Salvinu Mangion ta’ 71 sena, mixli bil-qtil ta’ Kyle Mifsud ta’ 33 sena, kompliet wara li kienet ġiet interotta ħesrem nhar it-Ġimgħa fl-awla numru tlieta tal-Qorti wara li l-akkużat beda jilmenta minn uġigħ f’sidru. Wara li sussegwentement ġiet imsejħa ambulanza quddiem il-bini tal-Qorti u waqt li kien qed isir eżami fuqu tal-ECG, Mangion tah attakk tal-qalb.

Mangion ħareġ mill-isptar u l-kumpilazzjoni kompliet b’iktar xhieda. Jonathan Mangion qal li qabel is-serqa li kienu wettqu fuq missieru kien wissihom u dan issa ilu iktar minn sentejn u anke f’Awwissu li għadda kien wissihom.

Jonathan Mangion qal li lil missieru għamillu ‘sensor’ tal-alarm ħalli kif jidħol xi ħadd għandu, din tiġbed ‘snapshot’. Huwa kien jaf li kien ikun hemm nies deħlin u ħerġin għandu, u qabel kien hemm oħra li kienet tidħol għandu. “Dawn kollha kienu jmorru għandu għal flus u lanqas kien ikollu biex jiekol”, qal iben l-akkużat.

Minkejja li kien iwissih, missieru ma kienx jgħidlu min kien qed imur għandu, anzi kien jgħidlu li ħadd ma kien qed imur u kien għalhekk li għamel is-“sensor”, għax il-ġirien kienu jgħidulu mod ieħor.

Wara xehed Brian Mangion, it-tifel l-ieħor ta’ Salvinu Mangion.

“Missieri għamilha – spara għal wieħed”

Brian Mangion qal li sar jaf bl-inċident permezz ta’ ħuh Jonathan li qallu – “għamilha missieri, spara għal wieħed” u hu ma riedx jemmnu. Tenna li ħa xokk u ma kienx jaf x’se jaqbad x’jagħmel. Qal li kienu jċemplu lil ħuh u mhux lilu fuq dak li kien qed jgħid minnu missieru.

Kienu qed jiġru wara missieru li kienu jimbuttawh u jirrikattawh. Lil missieru qal li kien iċemplu kuljum u qatt ma qallu xi xejn u li huwa sar jaf b’kollox minn ħuh Jonathan. Għand missieru kien idum ma jmur anke xahar, u dan għax kien iċempillu kuljum.

Brian Mangion qal ukoll li ftit iktar minn sena u nofs ilu missieru kien imur jorqod għandu wara li kien offrielu hu stess. Imma filgħodu kien imur id-dar, u li għamel sentejn sħaħ jorqod għandu.

L-akkużi kontra Salvinu Mangion

Salvinu Mangion ta’ 71 sena – residenti l-Birgu li qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Kyle Mifsud ta’ 33 sena minn Bormla. Mifsud ta’ 33 sena tilef ħajtu fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd, 21 ta’ Settembru u t-Tnejn, 22 Settembru wara li tilef il-ġlieda mal-mewt hekk kif waranofsinhar tal-Ħadd stess kien intlaqat b’tir ta’ senter tal-kaċċa fl-istonku tiegħu, allegatament tir sparat mill-anzjan.

Huwa qed jiġi mixli wkoll b’pusses ta’ arma tan-nar bla liċenzja u li ntużat biex jikkommetti reat. Il-każ seħħ wara tilwima bejn Mifsud u l-anzjan fil-qasam tad-djar fiz-zona tal-Ħawli l-Birgu. Il-Pulizija investigat id-dinamika ta’ kif seħħ il-każ, bl-anzjan jiġi arrestat fl-akkwati ftit wara l-isparatura u l-Pulizija sabet ukoll is-senter tal-kaċċa li allegatament intuża fl-isparatura.

Il-Kuntistabbli Daniel Farrugia kien l-ewwel xhud fejn qal li fil-21 ta’ Settembru fis-1.08pm, daħlet telefonata li kien hemm xi ħadd kollu demm fin-naħa tal-Ħawli fil-Birgu u mar ma’ tliet pulizija oħra. Qal li kien hemm nies fil-gallariji fejn bdew jindikaw li fil-blokka kien ġara xi ħaġa u għalhekk daħlu fil-komun.

Qal li kif bdew jgħajjtu, kien hemm bniedem li qal li kellu bżonn l-għajnuna, u kif telgħu sabu lill-vittma mal-art. Kellu ferita fuq żaqqu u laħam daqs ta’ ponn kollu dmija. Staqsih x’kien ġaralu u qalilhom li hu Kyle. Qalilhom, li Salvu kien sparalu u qallu li għamel dan b’revolver. Kien muġugħ u meta l-vittma kien mistosqi jekk iġġildux, Kyle qallu le.

Qallu li sparalu fuq fejn kien joqgħod l-aggressur fi flat 8. Dak il-ħin is-Surġent talab għall-assistenza medika. Staqsih x’kunjomu u qallu Mifsud, u jekk jeħux mediċina, u qallu – “smack u coke”. Wara kellem lill-Pulizija r-raġel li kien ċemplilhom.

Ix-xhud qal li huma kienu armati b’arma tan-nar u l-vittma ngħata l-għajnuna fil-komun t’isfel. Sar ukoll kuntatt mal-RIU u l-ħaddiema tal-ambulanza kienu qed jagħmlu xogħolhom. Sabu ħafna dmija ma’ diversi nħawi fosthom mal-poġġaman.

Farrugia qal li hu u sħabu telgħu fuq ma’ tal-RIU fejn kien hemm iktar demm. Meta ħabtu fi flat 8 u ma wieġeb ħadd. Peress li hemm il-bejt tal-RIU telgħu hemm iżda ma raw xejn. Kien hemm xi ġirien li qalu ma jafu xejn u tnejn partikolari, li xtaqu jibqgħu anonimi, u qalulu li għand anzjan kienu hemm imorru xi ‘junkies’ u li hu kien qed jiġri ma’ xi nisa.

Kienu diversi li jiffrekwentaw lill-akkużat

Meta staqsihom, qalulu wkoll li semgħu tisbita qawwija. Dawk li kienu jmorru għandu huma kemm nisa u rġiel, u li dak li kien iħabbat ma kenux jafuh. Dawn il-ġirien iddeksrivew lil Salvinu bħala bniedem kwiet. Hu kien sema’ wara xi ħin li Salvinu Mangion kien ġie arrestat.

Wara li kkalmat is-sitwazzjoni l-Ispettur Keith Rizzo talbu biex imur jagħmel xi stħarrġ ma xi ġirien. Huwa tkellem ma’ missier u iben u li dawn qalulu li jafu lil Salvu Mangion li huwa anzjan. Dan kellu forn tal-ħabs u li hemm jiffrekwentawh żewġ junkies. Semmew żewġ ‘junkies’ tewmien u li daqqa kienet tmur waħda għandu u daqqu tmur l-oħra.

Kienu segwewh sal-grawnd tal-futbol ta’ Ħaż-Żabbar

Qalulu li kien hemm wieħed boċċu li wkoll kien jheddu għal flus u li ġieli huma l-missier u l-iben kienu jaqbżu għalih u jgħidulhom biex iħalluh bi kwietu. Qalu li darba dawn l-allegati aggressuri kienu segwew lil Salvu għal fejn il-grawnd tal-futbol tat-tim ta’ Żabbar FC fejn hu kemxejn diżabitat.

Ix-xhud qal li ma’ Salvu qatt ma ġie f’kuntatt, rah mill-bogħod fejn kien arrestat mis-CID. Fuq mistoqsija tal-Avukat Difensur Adreana Zammit, ix-xhud qal li xi ġirien kienu jiddejqu bil-frekwenza tal-għajjat u storbju li kien jinqala.’

Qal li qatt ma kien informat minn xi ġirien li kien hemm xi kuntatt fiżiku fil-konfront tal-akkużat. Qalulu li ġieli raw ċertu mġiba ostili lejn l-akkużat u ġieli dawn il-ġirien kienu jintervjenu. Wara li kien se jibda jixhed is-Surġent Carlos Farrugia, intervjena l-Avukat Difensur Franco Debono li qal li d-difiża tirrileva li l-ewwel xhieda li qed jixhdu mhumiex ix-xhieda pajżana imma membri tal-Korp tal-Pulizija.

Dan fid-dawl tal-fatt tal-qagħda vulnerabbli ta’ Salvu Mangion u dan ukoll meta d-difiża mhux se tikkontesta l-prima facie. Meta beda jixhed Farrugia qal li kien irċieva telefonata fejn ikkonferma li kellhom informazzjoni li kien hemm persuna kollha demm li bdiet tħabbat mal-bibien.

Qal li meta marru raw raġel b’ferita fuq żaqqu u kien hawn li informa lill-Ispettur Francesca Maria Calleja u lil tal-RIU u anke għal tal-ambulanza. Huwa informa wkoll lill-kollegi tiegħu biex ikunu preparati. Qal li x’ħin waslu tal-ambulanza qalilhom li l-vittma kellu ferita f’żaqqu u wara li kien infurmat li min spara għadu ġewwa, qal lill-uffiċjali mediċi li jista’ jkun li għad baqa’ l-periklu.

Bħalma qal il-kollega tiegħu li xehed qablu, qal li raha ammont ta’ demm mal-poġġaman u anke mal-ħajt. L-iktar ammont ta’ demm kien quddiem flat numru tmienja. Tenna li fuq il-post kienet marret ambulanza oħra u li din ħadet ħsieb lil Mangion.

Xhud ieħor kien Emmanuel Belotti, li kien ċempel lill-Pulizija u lil tal-ambulanza dwar l-inċident. Qal li kien spiċċa mix-xogħol għall-ħabta tas-12.45pm. u hekk kif kien dieħel fil-komuna sema’ li xi ħadd jokrob. Qal b’dan lil mara u din qalet li semgħet xi ħoss fejn Salvu.

Qal li hu joqgħod fi flat 5. Ix-xhud mar sa fuq u raha ġuvnott bil-qiegħda fit-taraġ imma ma rahx sew għax kien fuq in-naħa tal-ġemb. Dak il-ħin ma bediex jokrob iżda wara xi ħames minuti beda jħabbat mal-bieb tiegħu u qallu biex ma joqgħodx isabbat.

“Ħallewni bla fluskollox ħaduli u lanqas għal bela te m’għandi”

Belotti qal li l-vittma qallu li Salvu kien sparalu. Hu hawn ċempel lill-Għassa ta’ Bormla u għal tal-ambulanza, Tenna li lill-vittma kien jafu żgħir. Hu niżel fil-vann u mar ġab par ingwanti iżda meta pprova jitla’ lura għall-post il-Pulzija ma ħallewhx. Tenna li għandu camera quddiem il-post tiegħu.

Kompla jgħid li lil Salvu jafu għax joqgħod fil-blokka tiegħu u lil Kyle jafu għax kemm-il darba rah tiela’ għandu u jafu minn qabel. Qal ukoll li Salvu kien qallu “ħallewni bla flus – kollox ħaduli u lanqas għal bela’ te ma ħallewli flus.” Dan kien tlett ijiem qabel ma seħħ il-każ.

Fuq din il-koppja Belotti qal li lil din il-koppja, wieħed minnhom il-vittma kien ilu jarahom sejrin għand l-akkużat u dan għal madwar sentejn. Kien jarahom neżlin it-taraġ. Qal li jekk kien hemm persuni oħra jmorru għandu.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Debono – ix-xhud qal li jaf li lil Salvu kienu fagħulu l-bieb u serquh. Tenna li qatt ma kellem lil-persuni li ta’ spiss kienu tmur għand Salvu. Tenna li huwa jaf lill-vittma sa minn mindu kien żgħir. Ikkonferma li ġieli raha lill-vittma ma’ mara. Ġieli rah waħdu, ġieli raha lil mara waħedha u ġieli ra lill-koppja flimkien.

“Kif qalli li Salvu sparali, inblajt. Għax mhux t’hekk. Ġieli joqgħod jiċċajta wkoll ma’ wliedi”, temm jgħid ix-xhud. Wara xehdet il-mara Emmanuel Belotti – Ruth Belotti. Qalet li kienet semgħet taħbit kbir fuq il-bieb ta’ fuq bejn in-12.30pm, u s-12.45pm. Wara dan it-taħbit semgħet ħoss qawwi u ħasbet li faqagħlu l-bieb dan iż-żagħżugħ lil Salvu, żagħżugħ li kien ġej u sejjer għandu.

Wara ma semgħet xejn u ftit wara ħasset li dan iż-żagħżugħ beda jħabbat. Qalet li dan kollu kien ġara lilhom qabel. Ir-raġel fetaħ biex jara x’ġara u qalilha li hemm wieħed fuq it-taraġ u wara r-raġel ċempel lill-Pulizija u tal-ambulanza u waslu l-Pulizija. Qalet li hija rat lil Kyle li kellu ferita f’ġembu u daħlet mill-ewwel ġewwa.

Qalet li minn dak li semgħet il-vittma kien imur kważi kuljum għand Salvu u jitolbu l-flus. Miegħu kien ikun hemm tfajla rqiqa u bajdanija. Din il-biċċa qalet kienet ilha sejra madwar tliet snin, li dan iż-żagħżugħ imur għand Salvu. Tenniet li hi ġieli rat xi nisa oħra jmorru għand Salvu, waħda b’xagħra ħamranija u tnejn xagħarhom isfar.

Milli semgħet li kienu jitolbuh il-flus u li ġieli nzertathom waqt li tasal mix-xogħol. Dan kien ikun anke darbtejn mix-xogħol. Hija kompliet tagħti diskrezzjoni tan-nisa li kienu jiffrekwentaw lill-akkużat. Fuq domandi tal-Avukat Franco Debono, ix-xhud ikkonfermat li l-vittma huwa l-istess żagħżugh li kien imur għand Salvu għal flus.

Qalet ukoll li ġieli semgħet lill-vittma u t-tfajla li kienet tkun miegħu jitolbu l-flus lil Salvu. Qalet li lil Salvu kienet ilha tafu xi 30 sena u li tafu bħala raġel sew. Tenniet li kienet tiddejjaq bil-preżenza ta’ dawk li kienu jmorru għand Salvu.

Dwar għaliex kienet tmur din il-mara għand Salvu, hi semgħet minn nies wara li ġara l-każ li kienet tmur miegħu u li kienu jmorru għandu biex jiħdulu l-flus għad-droga.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonett u l-Ispetturi Stephen Gulia, Keith Rizzo u Francesca Maria Calleja.

L-Avukat Franco Debono u Adreana Zammit qed jidhru għall-akkużat. L-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-familja tal-vittma.

Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli nhar l-Erbgħa fis-3.30 pm.