Daqqa ta’ ħarta għal Birkirkara, hekk kif wieħed mill-plejers barranin fost l-aktar importanti fl-iskwadra, weġġa’ u mistenni jdum barra mil-logħob, possibilment sat-tmiem ta’ dan l-istaġun. L-attakkant ta’ 27 sena, Franklin Sasere se jkun qed jiġi operat il-ġimgħa d-dieħla, wara li fil-jiem li għaddew kien konfermat li l-iskorer prolifiku weġġa’ l-cruciate.
Din hija waħda mill-agħar injuries għal kwalunkwé plejer tal-futbol għaliex il-perjodu ta’ irkupru wara li jsir l-intervent mediku fil-ligament ta’ sieq il-plejer, hu wieħed fit-tul.
Kelliem għall-klabb ta’ Birkirkara, ikkonfermaw ma’ Net News li l-klabb qed jassisti lill-plejer f’dan il-mument diffiċli u għad trid tittieħed deċiżjoni jekk Sasere huwiex se jagħmel l-operazzjoni f’Malta jew fi sptar barra minn pajjiżna.
Teżisti wkoll tama żgħira li l-plejer jista’ jirkupra wara ħames xhur u allura f’dan il-każ, Sasere jkun qed jirritorna lejn tmiem dan l-istaġun. Madankollu, Birkirkara jridu jaġixxu malajr u Net News jista’ jikkonferma li l-klabb jinsab f’diskussjonijiet ma’ żewġ plejers, wieħed minnhom li diġà kien qed jilgħab f’Malta, biex dan jiffirma mal-Istripes u jimla’ l-vojt li ħalla Sasere.
Sasere weġġa’ f’mument fejn kien beda’ juri l-aħjar tiegħu ma’ Birkirkara, wara li l-attakkant Eks Ħamrun Spartans u Floriana f’Malta, skorja l-ewwel tliet gowls tiegħu fil-Malta Premier u fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Birkirkara, fl-aħħar żewġ partiti li lagħab.
Is-sena l-oħra, Sasere skorja 14-il gowl fil-Malta Premier ma’ Floriana, u kellu sehem importanti fi staġun li mikejja li l-greens spiċċaw ma rebħu xejn, xorta waħda kien wieħed pożittiv.
Matul il-kampanja akkwisti tas-sajf, Birkirkara akkwistaw lin-Niġerjan, f’dak li kien wieħed mill-aktar trasferimenti importanti li sar minn klabb tal-Malta Premier fil-bidu tal-Kampjonat 2025/26.
Wara bidu ta’ Kampjonat diffiċli għal Birkirkara, Sasere kien determinanti biex it-tim, issa taħt it-tmexxija tal-kowċ Gianluca Festa, rebaħ l-ewwel partiti fil-Malta Premier.
L-attakkant skorja ż-żewġ gowls fl-ewwel rebħa li rreġistraw Birkirkara kontra Mosta u reġa’ skorja l-gowl waħdani fir-rebħa ta’ 1- 0 kontra Naxxar Lions.
Dakinhar, fl-84 minuta, Sasere weġġa’ l-cruciate u kien mibdul mid-difensur Luis Córdova. Wara l-partita, mill-ewwel dijanjosi li għamel Sasere biex jara l-gravitá tal-injury li sofra kontra Naxxar Lions, sar magħruf li weġġa’ l-cruciate; aħbar li ħasdet lill-plejer u lil Birkirkara wkoll.
//= $special ?>

