“Jekk il-Gvern ikompli għaddej bil-liġijiet tal-ippjanar, veru jkun arroganti. Dan il-pajjiż ġabuh mandra. U huwa biss eżerċizzju malinn li lanqas diskussjoni dwaru ma riedu”.
Kienu dawn id-dikjarazzjonijiet li saru fl-editorjal tal-gazzetta Illum, meta kien spjegat li jekk ir-riforma tal-ippjanar tkompli kif iridha l-Gvern ta’ Robert Abela – dan ikun eżempju ċar ta’ arroganza mill-gvern u t-tmexxija tiegħu.
L-editorjal jispjega li l-arroganza tal-Gvern mhix biss li jinjora lin-nies imma li jaqdi l-interessi BISS ta’ min għandu l-poter tal-flus. Fejn spjega li minkejja li s-settur tal-iżvilupp iħalli ħafna flus fl-ekonomija Maltija ma jfissirx li l-Gvern għandu jagħti l-poter kollu lill-iżviluppaturi.
Il-Gvern mhux qed jagħraf li riforma fl-ippjanar teħtieġ ħarsien ambjentali. Fejn saħanistra anke ddeskriva lill-pajjiż bħala wieħed li “ġibnieh mandra”.
L-editur spjega kif lura f’Ġunju tal-2024 – meta l-Gvern ta’ Abela tnaqqritlu l-maġġoranza li kellu għal waħda ta’ 8,000 vot – Abela kien qal li jrid jirrispondi għall-weġgħat tan-nies fosthom anke r-rabja dwar il-kostruzzjoni.
Iżda minflok, il-Prim Ministru, sena wara, daħħal riforma li b’mod mill-aktar ċar tgħin lil dawk li l-aktar igawdu mill-kostruzzjoni jkomplu jikbru.
Skont l-editorjal, ir-riforma kienet parti minn eżerċizzju li jirrifletti biża’ li l-affarijiet isiru sew. Bl-editur jispjega li l-ħsieb wara l-introduzzjoni ta’ dawn l-abbozzi tant kien malinn li l-Gvern Laburista lanqas ried li t-tibdiliet jgħaddu mill-istadji tad-diskussjoni tal-Parlament malti.
Il-gazzetta tgħid li l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin ma tiġix imkejla b’numri imma bis-serħan il-moħħ, paċi, kuntentizza u serenità – affarijiet li attwalment – Malta u Għawdex mhux qed jagħtu għaliex huma mifnija bi żvilupp bla pjan.
//= $special ?>