Wara għadd ta’ raids li saru fl-1 ta’ Ottubru, 17-il persuna ġew arrestati, 7 mill-Albanija u 10 mill-Kolombja b’rabta ma’ traffikar tal-persuni, fejn in-nisa ġew sfruttati għal skopijiet sesswali.
Dawn in-nisa, li oriġinarjament huma mill-Amerika t’Isfel, ġew traffikati lejn l-Ewropa, fosthom lejn pajjiżna. Huma ġew ittraffikati wkoll lejn il-Montenegro, l-Kroazja u Kosovo.
L-investigaturi tal-Albanija, tal-Kolombja u tal-Kroazja, flimkien mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tal-Ġustizzja Kriminali u l-inizjattiva Taljana kontra t-traffikar tal-bniedem EU4FAST, iddentifikaw 54 vittma.
Il-Europol qalet li l-arresti saru wara xhur ta’ koordinazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet, filwaqt li sabuha diffiċli mmens biex isegwu dan in-netwerk ta’ traffikar. Dan in-netwerk kien magħruf bl-isem ‘Raphax’, u l-kap tagħhom – li jġib l-isem ta’ Lukas – kien fost dawk li ġew arrestati.
Il-pulizija qalu li dan in-netwerk kien imħaddem bħal negozju, b’membri assenjati għal rwoli speċifiċi, fosthom għar-reklutaġġ u t-trasport, sal-immaniġjar tal-klijenti.
Is-servizzi sesswali kienu jiġu rreklamati online, filwaqt li kien hemm call centre li kien jikkontrolla l-bookings. Dan ħalla l-vittmi bla kontroll fuq il-movimenti jew id-dħul tagħhom.
Meta l-vittmi waslu f’Malta, fil-Montenegro, fil-Kroazja u l-Kosovo, huma kellhom dejn inizjali ta’ €5,000, li huma kellhom iħallsu għall-vjaġġ u l-akkomodazzjoni fl-Ewropa. Id-dħul tagħhom mbagħad kien jinżamm min-netwerk, filwaqt kienu jiġu imposti sanzjonijiet fuqhom kontinwament, bħala mekkaniżmu biex id-dejn ikun impossibbli biex jitħallas.
L-investigaturi sabu wkoll evidenza ta’ kundizzjonijiet ta’ skjavitu’ hekk kif il-vittmi esperjenzaw abbuż psikoloġiku u fiżiku, permezz ta’ theddid u swat. Ħafna mill-flus li kienu jaqilgħu kienu jintbagħtu lura lill-kap prinċipali tal-organizzazjoni permezz ta’ skemi sofistikati ta’ ħasil ta’ flus.
Din mhix l-ewwel darba li Malta kienet fil-qalba ta’ traffikar ta’ nisa għal skopijiet sesswali, hekk kif is-sena li għaddiet 9 persuni nstabu ħatja li kienu nvoluti f’racket li ra nisa mill-Amerika t’Isfel jinġiebu Malta għall-prostituzzjoni.
//= $special ?>