Basketball Sport

John Tabone Shield Irġiel: Hibernians u Starlites Revive jibdew bir-rebħ

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Hibernians………….91

Athleta AtoZ………53

(18-12)(23-13)(28-11)(22-17)

Fl-ewwel partita mill-John Tabone Shield tal-irġiel iltaqgħu il-finalisti tas-Super Cup Hibernians u Athleta AtoZ. Athleta żammew in-nukleu żagħżugħ mill-istaġun li għadda flimkien mal-Amerikani Duane Goodman u Wesley Jordan u l-Ġorġjan Saba Ebelashvili dejjem taħt it-tmexxija tal-coach Sandro Farrugia. Kien debutt diffiċli għaż-żagħżagħ ta’ Athleta li riedu jirkupraw mit-telfa fl-aħħar partita. Hibs kellom 22 assists kontra s-sittax tal-Athleta. Kien hemm differenza wkoll fit-trippli fejn kull team kellu 23 tentattiv però Hibs għamlu 10 u Athleta 5. Il-partita bdiet b’ritmu għoli fejn Hibs bdew joperaw bil-fast breaks u wara tlett minuti kienu 9-6 minn fuq. Hibs komplew bi trippla ta’ Matthew Attard b’Jordan jirri-spondi għall-Athleta. Hibs kabbru l-vantaġġ b’punti konsekuttivi ta’ Piotr Stelmach 18-9 bi ftit anqas minn żewġ minuti għat-tmiem is-sessjoni. Hibs tilfu l-aħħar pusess tat-taqsima però Athleta ma rnexxielhomx isibu l-basket fis-sekondi li kien għad fadal biex Hibs temmew l-ewwel perjodu 18-12 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni rritorna għal logħob wara sena barra b’injury Isaac Bonett. Kien hemm trippla fuq kull naħa minn Attard u Goodman però Hibs fetħu vantaġġ ta’ 11 -il punt sar-raba’ minuta 27-16 b’Farrugia kostrett isejjaħ it-tieni time-out tiegħhu. Hibs komplew b’akar trippli din id-darba minn Elijah Simmons u Luke Farrugia u għalkemm Robert Vitale tħabat għall-Athleta xi waqtiet kien wisq individwali fil-logħob tiegħu. Sal-intervall, Hibs fetħu vantaġġ ta’ 16 -il punt 41-25.

It-tielet taqsima fetħet bl-istess andament b’logħob kollettiv minn naħa ta’ Hibs li wara tlett minuti kienu 51-29 fuq quddiem. Il-kollettiv tal-Hibs deher ukoll fil-punteġġi individwali li kienu mifruxin fuq diversi players. Il-Pawlisti komplew jiddominaw il-perjodu speċjalment bi break ta’ 16-5 b’punti konsekuttivi ta’ Ayo Ajiboye u Simmons. Athleta waqqfuhom b’azzjoni bejn Goodman u Luca Borg però Hibs baqgħu fuq quddiem 69-36 fi tmiem il-perjodu. Fl-aħħar taqsima, bir-riżultat aċċertat, il-logħob kien aktar maqsum fejn kien hemm żewġ trippli fuq kull naħa u diversi players żagħżagħ fuq il-court. Athleta għamlu l-aħħar punti tal-logħba però kienu Hibs li ħarġu rebbieħa 91-53 hekk kif il-players kollha tagħhom niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Hibs: N. Cassar 4, E. Simmons 13, A. Ajiboye 12, L. Attard 2, L. Farrugia 3, P. Stelmach 10, M. Gouder 2, D. Jackson 11, M. Attard 16, T. Gjurovski 2, I. Demcesen 14, S. Simic 2.

Athleta AtoZ: K. Fabri, S, Ebalashvili 2, R. Vitale 13, I. Bonett 3, D. Goodman 18, K. Camilleri 3, M. Spiteri 1, A. Bozanic 2, L. Borg, J. Cefai 1, W. Jordan 10, G. Cassar.

Referees: Nestor Rincon, Nelson Da Silva, Miguel De Flavia.

The Plaza Depiro……..52

Starlites Revive………..83

(17-22)(15-15)(10-25)(12-19)

Fit-tieni partita, Starlites Revive friski mir-rebħ tas-Super Cup ġimgħa ilu għelbu lil The Plaza Depiro 83-52. Depiro, introduċew diversi players żagħżagħ flimkien ma’ player Amerikan ġdid Javier Turner, is-Serb Milovan Grubacic u Jean Paul Schembri taħt it-tmexxija tal-coach Norbert Borg u l-konferma għar-reba sena konsekuttiva ta’ Cameron Cornelius. Starlites kellhom bidla waħda fit-team hekk kif jidher li l-Malta Awstraljan Marcus Duffy ġie rilaxxat. Depiro żammew il-pass sal-intervall però fit-tielet sessjoni sofrew run ta’ 15-4 u Starlites inqatgħu fuq quddiem. Kienu Starlites li bdew tajjeb u marru fuq quddiem 7-2 bi trippla ta’ Ian Felice Pace. Ħuh Alec ukoll għamel trippla però Depiro naqqsu d-distakk għal 4 punti. Hawn Starlites kellhom it-trippli minn Musa Jallow u Jayden Iturmendi però żewġ trippli ta’ Sean Galea reġgħu ressqu lil Depiro viċin 17-22 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Fit-tieni waħda, Depiro komplew fejn ħallew u run ta’ 9-4 rathom jippareġjaw fuq skor ta’ 26-26. Hawn Starlites malajr irrispondew bi tlett trippli wara xulxin, tnejn minn I. Felice Pace u oħra ta’ Jallow u għalkemm Depiro għalqu bi three pointer ta’ Schembri fil-halftime Starlites kienu għadom 37-32 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, wara basket fuq kull naħa minn Scerri u Nikola Bozovic, Starlites għamlu disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Scerri u baskets minn Jallow biex marru 14 -il punt minn fuq 48-34. Depiro waqqfulhom ir-run bil-punti ta’ Bozovic, Turner u Schembri però Starlites wieġbu bi trippla oħra ta’ Scerri f’run ta 8-0 biex temmew is-sessjoni 62-42 minn fuq. L-aħħar perjodu fetaħ bi trippla oħra minn Starlites din id-darba minn Jackson Threadgill . Depiro tħabtu biex jerġgħu jiftħu l-partita però l-vantaġġ ta’ Starlites kien wieħed komdu fejn kabbruh bit-trippli ta’ Miguel Fabri u Andrew Aquilina biex finalment ħarġu rebbieħa 83-52.

The Plaza Depiro: J. Micallef, N. Zammit, S. Galea 10, N. Zivkovic, JP Schembri 5, A. Trapani, M. Grubacic 3, J. Turner 11, S. Kenely, J. Omeregie, C. Cornelius 4, N. Bozovic 19.

Starlites Revive: A. Felice Pace 7, K. Fabri 4, T. Fee 6, A. Aquilina 3, I. Felice Pace 15, M. Fabri 13, M. Scerri 8, J. Iturmendi 8, J. Threadgill 11, M. Jallow 8.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Andre Attard