Basketball Sport

John Tabone Shield Nisa: L-ebda sorpriża fl-ewwel ġurnata

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Starlites Revive…….81

Athleta…………………36

(27-7)(20-5)(19-12)(15-12)

Il-John Tabone Shield tan-nisa fetħet bil-partita bejn Starlites Revive u Athleta. Għal Starlites li ħarġu rebbieħa 81-36, kienet it-tieni dehra tal-istaġun wara l-finali tas-Super Cup filwaqt li Athleta kienu qegħdin jagħmlu d-debutt tagħhom. Starlites għamlu żewġ tibdiliet mill-formazzjoni ta’ ġimgħa ilu fejn kienu mingħajr Chaterine Cilia u Julija Dabic u posthom ħaduh Jade Formosa u Mia Cassar Borg. It-team ta’ Athleta kellhom diversi tibdil mill-istaġun li għadda fosthom l-Amerikana Izabelle Booth u l-Belġjana Ellen Wauman. Fost il-players ġodda lokali nsibu lil Eliza Farrugia, Julia Schembri, Kaya Calleja, Kristy Caruana u Jaelle Micallef. Starlites fetħu tajjeb bi trippla ta’ Mikela Riolo u kellhom runs qosra ta’ 5-0 u 6-0 li sas-seba’ minuta rawhom jiftħu vantaġġ ta’ 10 punti 15-5. Minkejja time-out magħjjat minn Adrian Baldacchino, Starlites komplew ikabbru l-vantaġġ u jissudaw id-difiża tant li ħallew lil Athleta jagħmlu biss żewġ free-throws għal skor ta’ 27-7. Wara li Athleta għamlu l-ewwel punt tat-tieni taqsima minn Julia Schembri, Starlites wieġbu b’run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Haverlock u komplew b’oħra ta’ Michela Zammit Cordina għal skor ta’ 42-11 fis-sitt minuta. Athleta għamlu l-uniku basket tagħhom tat-taqsima minn J. Micallef b’Haverlock twieġeb għal Starlites biex daħlu jistrieħu 47-12 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet bi trippla ta’ Schembri għall-Athleta però pronta kienet ir-risposta ta’ Starlites bi break ta’ 12-2 bi trippli minn P. Riolo u Zammit Cordina. Wara żewġ baskets oħra minn Athleta, Starlites kellhom il-punti minn Rebecca Naudi għal skor ta’ 66-24. Naudi kompliet bi trippla fil-ftuħ tar-raba’ taqsima b’Athleta jwieġbu bil-punti ta’ Nicole Vella u trippla ta’ Booth. Il-logħob kien aktar maqsum lejn l-aħħar parti tal-perjodu b’diversi players żgħażagħ fuq il-court hekk kif Starlites kienu fil-kontroll tal-partita u ħarġu rebbieħa 81-36.

Starlites Revive: M. Riolo 10, J. Formosa, P. Riolo 14, M. Zammit Cordina 14, S. Abugrin 2, M. Fenech 4, R. Naudi 11, G. Haverlock 26, F. Vella, LM Zammit, K. Gatt, M. Cassar Borg

Athleta: E. Farrugia 2, J. Schembri 7, B. Agius, N. Vella 8, K. Calleja 3, E. Wauman, A. Micallef 1, K. Caruana 3, J. Micallef 2, I. Booth 10, K. Abela, L. Camilleri.

Referees: Miguel De Flavia, Jacques Siefert

Valletta Dream……40

Hibernians………….79

(7-27)(9-15)(7-22)(17-15)

Fit-tieni partita kien hemm id-debutt ta’ Valletta Dream u Hibernians bit-team ta’ Hibs ikollhom rebħa pjuttost faċli fuq skor ta’ 79-40. Valletta kellhom players mill-istaġun li għadda flimkien mar-ritorn tal-ex internazzjonali Ukrena Olesia Malashenko għalkemm tilfu players bħal Taissa Nikishina u Sabrina Abugrin. It-team ta’ Raħal Ġdid, isaħħaħ bl-akkwisti ta’ żewġ players internazzjonali Maltin Josephine Diaby u Sacha Lecuyer kif ukoll iż-żagħżugħa Michela Marmara  flimkien mal-Amerikana Hailey Macleod. Hibs mal-ewwel marru fuq quddiem bil-punti ta’ Diaby, Maria Bonett u Steffi De Martino bil-coach Harry Savaya kostrett isejjaħ l-ewwel time-out fuq skor ta’ 7-2. Dan però ma żammx lil Hibs li jkomplu jkabbru l-vantaġġ fosthom bi trippli minn Macleod, De Martino u Lecuyer f’run ta’ 15-0 li rathom itemmu l-ewwel sessjoni 27-7 minn fuq. Trippla minn Malashenko fetħet it-tieni sessjoni bil-Hibs jirrispondu permezz ta’ Lecuyer. Però l-punti fil-ftuħ tat-taqsima naqsu fuq iż-żewġ naħat tant li sal-ħames minuta Hibs kienu 31-12 minn fuq. Maria Bonett kellha basket ieħor fuq assist perfett ta’ De Martino hekk kif ftit wara kien hemm time-out fuq kull naħa. Hibs għalqu l-perjodu bi break ta’ 11-3 bi trippla ta’ Lecuyer biex daħlu jistrieħu 42-16 minn fuq.

Wara l-intervall żdiedu l-fouls fuq iż-żewġ naħat bil-Hibs ikomplu jkabbru l-vantaġġ hekk kif Valletta sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti. Hibs kellhom run ta’ 12-1 b’punti konsekuttivi mill-Amerikana Macleod biex sas-seba’ minuta kienu 58-21 minn fuq. Hibs għamlu sitt punti oħra qabel tmiem is-sessjoni għal skor ta’ 23-64. Fl-aħħar taqsima kien hemm diversi sostituzzjonijiet speċjalment minn naħa ta’ Hibs fejn kien hemm id-debutt mal-kbar ta’ Kristie Sammut. Hibs sabu ħin għal run oħra ta’ 15-3 fosthom trippla tal-istess Sammut hekk kif huma ħarġu rebbieħa 79-40.

Valletta Dream: A. Parnis 2, O. Malashenko 21, M. Momcilovic, A. Caballero 7, H. Grixti, M. Mifsud, A. Nikishina, N. Montalvo 6, S. Kankaras 4.

Hibernians: L. Micallef 4, I. Agius 2, S. Lecuyer 15, A. Saliba 5, J. Abela 2, M. Bonett 13, S. De Martino 10, M. Marmara, N. Farrugia, H. Macleod 17, J. Diaby 6, K. Sammut 5.

Referees: Nestor Rincon, Andre Attard.