Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza tal-Qorti Kostituzzjoni li sabet lill-Kummissarju tal-Pulizija ħati li kiser id-drittijiet fundamentali tal-Ispettur Elton Taliana li spiċċa sar vittma ta’ persekuzzjoni istituzzjonali u trattament degradanti mill-istess korp li jaħdem fih.
Fl-aħħar żviluppi, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza Kostituzzjonali li kienet sabet li l-arrest tiegħu kien wieħed illegali u mingħajr bażi, u għaldaqstant kien hemm ksur ċar tad-drittijiet fundamentali tiegħu, kemm taħt il-Kostituzzjoni ta’ Malta u kif ukoll taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Madankollu, waqt li l-Qorti Kostituzzjonali kienet allokat kumpens ta’ għoxrin elf ewro, il-Qorti tal-Appell żammet il-prinċipju iżda naqqset il-kumpens għal sebat elef ewro. Il-fatti jmorru lura għal diversi snin qabel, meta Taliana kien diġà sab ruħu f’ċirkustanzi fejn kien ġie mċanfar inġustament minħabba każ ta’ serqa relatat ma’ ċertu Daryl Luke Borg.
Minkejja li permezz ta’ informazzjoni affidabbli kien arresta l-persuna vera li ammettiet il-ħtija, hu spiċċa taħt pressjoni u investigazzjoni mhux ġustifikata. L-Ombudsman diġà fl-2019 kien irrimarka li kien hemm sinjali ta’ persekuzzjoni kontra tiegħu, b’mod li setgħu jtellfuh milli jitla’ għall-grad ta’ Supretendent.
F’Diċembru tal-2020, meta kien qed jistenna li jattendi għall-interview tiegħu għall-grad ta’ Supretendent, hu kien diġà għadda minn diversi sitwazzjonijiet fejn ġie mfixkel minn superjuri tiegħu. Ftit xhur wara, fit-15 ta’ Jannar 2021, seħħ l-episodju kruċjali meta Supretendent Graziella Muscat marret fir-residenza tiegħu b’mandat ta’ arrest biex jinġabar il-mobile tiegħu.
Taliana qatt ma ngħata spjegazzjoni ċara għaliex kien qed jiġi arrestat, lanqas ma ttieħed lejn l-eqreb għassa imma direttament lejn id-Depot fejn ġie interrogat mill-Assistent Kummissarju Stephen Gatt. Il-Qorti ikkonstatat li l-proċess kollu, mill-arrest għat-tfittxija u l-interrogazzjoni, kien nieqes minn bażi legali u kiser id-drittijiet tiegħu b’mod gravi.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali kienet ddikjarat li l-mandat ta’ arrest u tfittxija kienu nulli u li l-Kummissarju tal-Pulizija kien responsabbli għal dak li ġara. Barra l-kumpens, ordnat ukoll li isem Taliana jitħassar mill-“detainee book” tal-pulizija u li kull deċiżjoni dwar il-promozzjoni tiegħu li setgħet kienet affettwata minn dan l-arrest għandha tiġi revokata jew riveduta. Dan kollu kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Appell.
Fil-fatt il-Qorti tal-Appell issa kkonfermat dawn il-konklużjonijiet, iżda żammet li l-ammont ta’ kumpens għandu jkun ta’ sebat elef ewro minflok għoxrin elf. Minkejja dan, il-messaġġ legali u istituzzjonali baqa’ ċar: kien hemm ksur serju u bla dubju tad-drittijiet fundamentali ta’ uffiċjal tal-pulizija minħabba abbuż ta’ poter mill-istess korp li kien suppost jipproteġih, u dan il-każ jibqa’ mument kruċjali li jixħet dell ikrah fuq l-amministrazzjoni interna tal-Pulizija Maltija.
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ordnat li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-abbuż ta’ poter u kien iddikjarat li l-arrest, id-detenzjoni, l-interrogazzjoni, it-tfittxija u t-teħid ta’ oġġetti kollha kienu nulli u bla effett billi saru bi ksur tal-liġi.
Il-Konvenzjoni Ewropea, fl-Artikolu 5(1), tiggarantixxi d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, u tippermetti arrest biss f’ċirkustanzi speċifiċi u definiti mill-liġi. L-Artikolu 5(2) jrid li kull persuna arrestata għandha tinforma b’mod ċar u f’ħin qasir dwar ir-raġunijiet tal-arrest tagħha u kwalunkwe akkuża magħmula kontra tagħha.
Il-Qorti sabet li dan id-dritt ma ġiex rispettat fil-konfront ta’ Taliana, billi qatt ma ngħata raġuni għaliex kien qed jiġi arrestat u ma kienx hemm trasparenza dwar il-proċedura. Din l-ommissjoni kienet biżżejjed biex tirrendi l-arrest tiegħu arbitrarju u f’ksur dirett tal-Konvenzjoni.
Effetti legali tas-sentenza
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet iddikjarat nulli l-arrest, id-detenzjoni, l-interrogazzjoni, it-tfittxija u t-teħid ta’ oġġetti mill-Ispettur Taliana, billi kienu kollha frott mandat li sar b’ksur tal-Kostituzzjoni u l-Qorti Ewropea tad-Drfittijiet tal-Bniedem.
Il-Qorti kkundannat lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat tal-Istat biex iħallsu kumpens bħala danni mhux pekunjarji. Din is-somma kienet tqieset bħala rappreżentazzjoni tal-uġigħ, l-umiljazzjoni u t-telf ta’ integrità li sofra Taliana bħala uffiċjal li spiċċa arrestat b’mod illegali u f’sitwazzjoni li xxekklitu anki fil-karriera tiegħu.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell, filwaqt li ma ċaħditx li kien hemm ksur fundamentali, naqset l-ammont ta’ kumpens għal €7,000, billi qieset li kien hemm lok għal rimedju iżda mhux fl-ammont inizjalment allokat. Din id-deċiżjoni għandha importanza kbira fuq żewġ livelli.
Minn naħa, hija konferma li uffiċjali tal-pulizija huma wkoll protetti bil-liġi kontra abbuż ta’ poter mill-istess istituzzjoni tagħhom, u li d-drittijiet fundamentali japplikaw b’mod universali. Min-naħa l-oħra, turi li l-Qrati Maltin huma lesti japplikaw b’mod dirett u konkret kemm id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni kif ukoll tal-Qorti Ewropea sabiex jipprovdu rimedju effettiv kontra abbuż amministrattiv. L-Avukati Joe Zammit Maempel u Eve Borg Costanzi dehru għall-Ispettur Elton Taliana.
//= $special ?>