L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EIT), permezz tal-Uffiċjal tal-Komunità lokali tiegħu, nieda The Innovation Exchange, inizjattiva ġdida biex tissaħħaħ l-ekosistema ta’ innovazzjoni ta’ Malta u tiżgura li tibqa’ tilgħab rwol ċentrali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Viżjoni 2050 tal-Gvern. The Innovation Exchange, imnedija f’kollaborazzjoni ma’ BusinessLabs, se sservi bħala forum nazzjonali fejn intraprendituri, start-ups, dawk li jfasslu l-politika, akkademiċi, investituri u partijiet interessati fil-komunità jiltaqgħu flimkien biex jiddiskutu l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-innovaturi u jiżviluppaw soluzzjonijiet prattiċi b’mod konġunt.
Billi jsaħħaħ il-kollaborazzjoni, l-inizjattiva għandha l-għan li tħaffef it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, ittejjeb il-benesseri soċjali, u tmexxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar reżiljenti u bbażata fuq l-għarfien.
L-ewwel fażi tal-proġett tinkludi sensiela ta’ workshops li qed isiru f’Settembru u Ottubru. Dawn is-sessjonijiet qed iġibu flimkien vuċijiet varji minn madwar ix-xenarju tal-innovazzjoni f’Malta biex jiġu identifikati ostakli u opportunitajiet, u jiġu ffurmati prijoritajiet komuni għall-azzjoni. Il-workshops jkopru tlett temi ewlenin: Tkabbir Intelliġenti permezz tal-Innovazzjoni, Innovazzjoni għal Futur Aktar Ekoloġiku, u Tisħiħ tal-Komunitajiet permezz ta’ Innovazzjoni fil-Benesseri Soċjali.
L-għarfien miġbur minn dawn il-workshops se jitwassal f’forum pubbliku ppjanat għall-aħħar tas-sena, fejn il-partijiet interessati se jkunu mistiedna jipparteċipaw f’diskussjonijiet miftuħa dwar is-soluzzjonijiet. Din il-fażi finali se sservi bħala trampolina għal proġetti ta’ kollaborazzjoni u rakkomandazzjonijiet ta’ politika allinjati mal-istrateġija ta’ żvilupp fit-tul ta’ Malta.
Billi tingħaqad il-komunità tal-innovazzjoni ta’ Malta madwar prijoritajiet komuni, The Innovation Exchange għandha l-għan li tiżgura li l-innovazzjoni ssir mhux biss mutur ta’ tkabbir ekonomiku, iżda wkoll pedament tal-progress soċjali u ambjentali.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva, żur: https://hatch.mt/innovation-exchange/
//= $special ?>